Waħda mix-xeni ewlenin tal-film Jurassic World Dominion li nġibdet f’pajjiżna kienet dik li saret fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, fejn id-dinosawri jidhru jiġru f’din il-pjazza u anke wara l-attur prinċipali fit-toroq tal-Kapitali.
Din ix-xena flimkien ma’ oħrajn li nġibdu f’lokalitajiet oħra fosthom il-Birgu u l-Mellieħa, huma bla dubju ta’ xejn spettakolari u mimlija azzjoni. Apparti minn hekk, din kienet l-ewwel darba li Malta ssemmiet fl-istorja ta’ film ‘blockbuster’, u mhux sempliċiment serviet ta’ sfond għal pajjiż ieħor.
Il-Kummissjoni Maltija tal-Films ħasbet biex tfakkar din l-okkażjoni tant importanti għall-industrija lokali tal-films billi poġġiet attrazzjonijiet f’diversi lokalitajiet fejn inġibdu xeni mill-istess film biex ikunu jistgħu jarawhom il-pubbliku inġenerali u t-turisti. Fost dawn hemm il-‘velociraptor’ li tqiegħed fi Pjazza San Ġorġ.
Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal f’konferenza tal-aħbarijiet li dawn l-attrazzjonijiet huma element ieħor fil-viżjoni li għandha l-Kummissjoni biex tattira aktar turisti f’postijiet fejn inħadem Jurassic World Dominion. Fl-istess ħin, dan il-kunċett ta’ screen tourism huwa reklam għal pajjiżna madwar id-dinja.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li dan il-film ħalla impatt fl-industrija tal-films u għen fil-promozzjoni ta’ Malta fuq livell internazzjonali. Qal ukoll li: “rridu nkomplu naħdmu biex b’mod konsistenti jkollna industrija tal-films world class.”