Sunday, May 5, 2024

“Il-virus mhux fl-industrija tad-divertiment biss qiegħed”

Aqra wkoll

Id-Deputat President tal-Malta Chamber of SMEs, Philip Fenech, jitkellem dwar l-għeluq tal-bars, clubs u pubs 

Minn ANTHEA CACHIA

Hekk kif issa ngħalqu l-bibien ta’ diversi pubs, clubs, bars u stabbilimenti inkluż postijiet ta’ divertiment mingħajr ebda ħjiel ta’ meta se jerġgħu jirritornaw lura lejn dawn il-postijiet ta’ divertiment u soċjalizzazzjoni tkellImNA ma’ Philip Fenech, id-Deputat President ta’ Malta Chamber of SMEs, fejn esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar l-aħħar miżuri implimentati mill-Gvern biex titnaqqas l-imxija tal-Covid-19. 

Huwa saħaq li dawn il-miżuri kienu mistennija minħabba l-fatt li pajjiżi oħra li ġew milquta u li raw il-figuri ta’ każi telgħin, fosthom l-Italja u Spanja, l-ewwel postijiet li għalqu kienu l-postijiet magħrufin fejn in-nies jissoċjalizzaw bħal diskoteki u bars. 

Fenech saħaq li din id-deċiżjoni ttieħdet propju fil-mument fejn wara tant żmien magħluqin issa dawn in-negozji reġgħu bdew jaraw il-qligħ. “Huwa veru li kien hawn nuqqas kbir ta’ turiżmu iżda x-xogħol beda jingrana,” saħaq Fenech. 

Huwa żied jgħid ukoll li minkejja n-numru ta’ turisti kienu differenti meta mqabbla mas-snin ta’ qabel kien hemm postijiet li kienu sejrin tajjeb ħafna. Madanakollu saħaq li kien hemm postijiet fejn beda jolqot break even u oħrajn li baqgħu lura speċjalment dawk in-negozji li jiddependu fuq it-turiżmu biss. 

“Il-vouchers għenu ħafna wkoll għax taw spinta kbira speċjalment ġewwa dawk il-postijiet li l-Maltin kienu jħobbu jiffrekwentaw. Kien hemm min qalilna li minn meta ħarġu l-vouchers kellhom medja ta’ 60% [bejgħ] kienu ġejjin mill-vouchers. Għinu għan-nuqqas ta’ konsum jew turisti, b’mod ġenerali”, saħaq Fenech. 

Fenech qal li waħda mill-isfidi li għandna bħala pajjiż huwa li rridu naraw kif se nerġgħu nnaqqsu l-ammonti li telgħu b’mod rapidu u mhux iżidu jew jkunu stabbli u fl-istess ħin jerġgħu jinfetħu n-negozji u minkejja li qal li mhux in-negozji kollha se jkunu affetwati, “ma jistax ikun li n-negozji jibqgħu magħluqin.” 

Huwa żied jgħid ukoll li “meta n-negozji nfetħu, infetħu għall-ekonomija mhux għax il-Covid-19 kien għadda u din, ħafna nies ma fehmuhix u kien hemm abbuż jew traskuraġni.”

Fenech enfasizza li “inutli li naħsbu li għax se nagħlqu l-parties kompletament il-problema se nsolvuha” waqt li tenna li fl-aħħar minn l-aħħar għalkemm l-industrija tad-divertiment hija magħrufa għaliex diversi nies jiltaqgħu soċjalment, “il-virus mhux fl-industrija tad-divertiment imma kuljum fl-imġieba tagħhom, kullimkien.”

Id-Deputat President taċ-Chamber of SMEs sostna li minkejja li l-industrija kellha l-kontribuzzjoni tagħha għat-total ta’ figuri ta’ każi ta’ Covid-19, l-istess każi ġew minn diversi setturi u avvenimenti fosthom fl-iskejjel, fil-festi, fit-turiżmu eċċ. 

“Għalkemm ma jkollokx nies tal-massa li qed jagħtu kwantità kbira ġewwa cluster wieħed, eżempju ta’ tmien persuni, [meta tgħaqqad il-clusters ta’ b’wieħed jew tnejn] ikollok ferm aktar mit-total ta’ dawk kollha u hija ċara li hekk ġara.”

F’dan ir-rigward Fenech spjega wkoll li bħalma qalet il-Professur Charmaine Gauci, il-każijiet tal-party ta’ Hotel Takeover li sar fir-Radisson Blu f’San Ġljan, f’Lulju, minkejja li kienet imġieba kerha ħafna, “mhuwiex sew li tgħid li qabel konnha qegħdin tajjeb imbagħad kif sar il-party [żidna f’daqqa]. 

“Il-party kellu parti u kkontribwixxa imma meta tara t-total ta’ minn fejn ġejjin it-totali ġew mill-imġiba inġenerali ta’ kullimkien u kollox.”

Fenech jemmen bi sħiħ li r-regolamenti huma tajbin ħafna u importanti li jkun hemm, wisq aktar fin-negozji, u stqarr li wieħed irid iżomm f’moħħu li l-iżball jew it-traskuraġni ta’ persuna ma tirriflettix biss fuq dak il-persuna jew in-negozju imma tirrifletti wkoll fuq il-pajjiż kollu in ġenerali, speċjalment meta nafu li l-figuri joħorġu b’mod internazzjonali.

Fenech temm jgħid li “kull traskuraġni jew żball li jsir jew nuqqas t’attenzjoni qed tirrifletti fuq il-prodott tagħna fit-totalità tiegħu u dik hija r-responabbiltà li għandna. Responabbiltà kollettiva li lkoll għandna, kemm dik il-persuna li miexja fit-triq sa dik il-persuna li jew għandha negozju jew titratta mal-pubbliku b’mod ġenerali.”

Sport