Il-vittma tal-inċident f’Għajnsielem ġie identifikat bħala Loreto Scicluna ta’ 79 sena minn Għajnsielem.
Wieħed mill-qraba li tkellmu ma’ talk.mt xtaqu jikkjarifikaw dwar rapporti li nxterdu b’rabta mal-inċident li sfortunatament tilef ħajtu fih. Huwa qalilna li għalkemm l-awtopsja għad trid tiddetermina l-kawża tal-mewt tiegħu jidher li l-anzjan sofra kumplikazzjonijiet f’qalbu qabel seħħ l-inċident sakemm sussegwentament baqa’ dieħel f’karozzi pparkjati.
Bosta sellmu l-memorja ta’ Scicluna u fakkruh bħala bandist attiv fi ħdan il-Banda San Ġużepp ta’ Għajnsielem. Huwa kien jagħti wkoll il-kontribut tiegħu fid-daqq fil-Knejjes.
8:00 a.m: Anzjan imut wara li baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati
Raġel ta’ 79 sena residenti Għajnsielem tilef ħajtu wara li tilef il-kontroll tal-karozza li kien qiegħed isuq, tat-tip Peugeot 206, u baqa’ dieħel f’żewġ karozzi oħra li kienu pparkjati.
L-inċident seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tad-9.00 p.m. fi Triq l-Ixprunara, Għajnsielem, Għawdex.
Tim mediku ta l-assistenza u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex iżda sfortunatament huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Simone Grech fejn ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.