Monday, April 29, 2024

Il-viżitaturi fl-Esplora jiżdiedu b’46% f’sena

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mis-sena 2022 għas-sena 2023, in-numru ta’ viżitaturi fiċ-Ċentru Interattiv għax-Xjenza, l-Esplora, żdied b’46%. Dan żied ukoll id-dħul fuq is-sena preċedenti fejn kien hemm qabża ta’ 52% bejn l-2022 u l-2023.

Ħabbar dan is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti meta fil-Parlament kompla jiġi diskuss l-abbozz ta’ liġi li jimplimenta miżuri tal-estimi.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti stqarr li l-Esplora rnexxielha toħloq ċentru li wieħed jista’ jgawdi mal-familja kollha u jieħu gost filwaqt li jitgħallem b’diversi esebiti li jinsabu f’dan iċ-ċentru tax-xjenza interattiv u anke b’numru ta’ animaturi li joffru attivitajiet fuq il-post.

Huwa kompla jgħid li l-Esplora qed jirnexxilha tattira numru kbir ta’ viżitaturi kull sena u f’dan ir-rigward semma kif qed ikompli jitjieb is-servizz offrut biex jilħqu mhux biss viżitaturi ta’ età żgħira imma wkoll nies akbar fl-età. Dan qed isir billi ġew inċentivati l-prezzijiet anke b’bundles għall-familja kollha u entratura ta’ ħlas aktar baxxa għall-istudenti.

Is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti semma wkoll iż-żieda fil-programmi u inizjattivi li qed joffru ta’ kull sena biex jilħqu aktar l-aspettattivi li jkunu mmiraw għalihom. Hawn enfasizza li se tissokta l-ħidma sabiex jaraw kif iċ-Ċentru Esplora jkun dejjem aktar aċċessibbli u miftuħ għal min jixtieq jagħmel użu minnu.

“Irridu niksbu aktar riżultati u nilħqu akar nies. Nafu kemm illum is-suġġetti STEM (ix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika) huma importanti fid-dinja. Irridu li ċ-ċittadini ma jibżgħux mill-bidla u l-avvanzi fit-teknoloġija iżda jkunu kapaċi jisfruttawha sabiex ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Azzopardi Tanti semma wkoll li biex tilħaq aktar nies u teduka aktar ċittadini, l-Esplora bdiet torganizza programmi ta’ outreach fejn fihom membri mill-Esplora joħorġu barra miċ-Ċentru Interattiv tax-Xjenza u jmorru jwasslu messaġġ tagħhom b’mod dirett fl-irħula u l-ibliet tagħna.

“B’hekk inkunu nistgħu nwasslu ix-xjenza fid-djar tan-nies u nuruhom l-importanza tas-suġġetti STEM fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum,” qal is-Segretarju Parlamentari. “Mis-sena l-oħra ‘l hawn kellna diversi inizjattivi ta’ outreach fl-iskejjel primarji mifruxin f’pajjiżna. Huwa importanti li nkomplu nesponu aktar liċ-ċittadini tagħna għas-suġġetti xjentifiċi b’mod partikolari liż-żgħar.”

Sadanittant, is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti ħabbar li ftit ġimgħat oħra se tiġi ppreżentata l-liġi dwar l-attivitajiet spazjali bir-reġistrazzjoni ta’ satelliti li jipprovdu servizzi ta’ kuljum lis-soċjetà. Servizzi li nużawhom bħal mapep tat-toroq, ATM, televiżjoni idiġitali u ħafna oħrajn. “Għall-ewwel darba se nirregolarizzaw dan kollu biex nattiraw aktar kumpaniji li jinvestu f’dan is-settur f’pajjiżna.”

Sport