Saturday, December 21, 2024

IL-VIŻJONI TIEGĦI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Aqra wkoll

Iż-żgħażagħ huma s-sinsla ta’ pajjiżna . Għandhom l-enerġija u l-ideat li jistgħu jmexxu dan il-pajjiż ‘il quddiem. U bħala protagonisti fit-tfassil tal-Malta tal-llum u ta’ għada, iż-żgħażagħ għandhom jingħataw rwol attiv fid-deċiżjonijiet ewlenin li jittieħdu. Biex dan jintlaħaq, nemmen li s-soċjetà għad baqagħla ħafna x’tifhem miż-żgħażagħ għax iż-żminijiet u ċ-ċirkustanzi jinbidlu u hekk ukoll jinbidlu l-bżonnijiet taż-żgħażagħ. Ma tistax inti taħdem ma’ ġenerazzjonijiet differenti jekk inti ma tippruvax tifhem dik il-ġenerazzjoni u din ġejja miż-żewġ naħat. Hemm bżonn iktar ta’ komunikazzjoni u mhux superjorità waħda fuq l-oħra.

Tassew, illum iż-żgħażagħ qed jaffaċċjaw ruħhom ma’ avvanzi ġodda fil-mod kif isir it-tagħlim; tibdil ekonomiku, żviluppi u rigress soċjali fejn xi drabi l-qasma soċjali tkun enormi, ambjenti ġodda żbilanċjati ta’ aktar urbanizzazzjoni u nuqqas mill-ambjent rurali, kif ukoll l-effetti tat-tibdil fil-klima u t-theddida tal-qerda ambjentali. Il-bidu ta’ dak li hu deskritt bħala r-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali qed iġibna aktar konxji ta’ x’inhuma l-isfidi u l-opportunitajiet li qed jiltaqgħu magħhom iż-żgħażagħ. 

Kien għalhekk li kien għaqli li l-gvern riċentament nieda l-strateġija; Lejn 2030 – Maż-Żgħażagħ u għaż-Żgħażagħ li se tkopri l-perjodu bejn l-2021 u l-2030 u se tiffoka fuq adolexxenti u żgħażagħ ta’ bejn it-13-il sena u t-30 sena. Din l-strategija hi bbażata fuq is-suċċess tal-aħħar ħames snin waqt li tiffoka fuq it-tibdiliet u l-opportunitajiet li hemm għalihom. Din il-politika hi inkorporata ma’ strateġiji nazzjonali oħra kif ukoll ma’ politika internazzjonali u Ewropea għaż-żgħażagħ u l-adolexxenti. L-għan tagħha hu li tkun kemm jista’ jkun flessibli u innovattiva – li tvarja minn dak lokali għal dak li hu nazzjonali u minn dak nazzjonali għal dak Ewropea u globali. Permezz tagħha l-gvern irid jagħti fiduċja liż-żgħażagħ bi prattika effettiva tax-xogħol relatat magħhom li jinkludi dak diġitali, reġjonali u lokali.

Kien għalhekk li l-Baħit 2022 iħares liżvilupp taż-żgħażagħ b’mod konkret permezz ta’ inizjattivi u miżuri mmirati fosthom li ser jiżdiedu l-istipendji tal-istudenti kollha b’10 fil-mija. L-investiment fiż-żgħażagħ mħabbar fil-Baġit 2022 mhuwiex wieħed finanzjarju biss imma jara li kull żgħażugħ ikollu l-għodda neċessarja biex jiżviluppa l-abbiltajiet tiegħu.

Kien għalhekk ukoll li dejjem emmint fl-importanza tal-iżvilupp taż-żgħażagħ. Dawn l-ideat qsamthom ma’ sħabi fir-rwol attiv li kelli fit-tfassil tal-100 Idea tal-Partit Laburista. Dan tennejtu b’mod konkret tul dawn l-aħħar xhur permezz tal-inizjattivi bħal Robotika u eME. Però dan huwa biss parti minn dak li qed naħdem fuqu biex tassew iż-żgħażagħ tagħna jkunu verament protagonisti. 

U biex dan ma jillimitax ruħu għal ftit kliem fieragħ, nemmen li għandu jkun hemm involviment aktar b’saħħtu minn naħa taż-żgħażagħ fit-tfassil fil-politika tal-llum u ta’ għada. Hemm bżonn tal-ideat friski u innovattivi taż-żgħażagħ fil-politika lokali. Din ċertament li hija tema kurrenti minħabba bosta fatturi. Tlaqna mill-punt tal-passat riċenti fejn wieħed jinnota l-Vot16. Dan ġie estiż għal kull elezzjoni sa mill-elezzjoni ġenerali li jmiss. Dritt bħal dan kompla jitfa’ fiċ-ċentru tal politika lokali, nazzjonali u Ewropea l-opinjoni taż-żgħażagħ. L-ewwel pass ghandu jkun fuq livell lokali. Nemmen fl- importanza li jingħatha leħen liż-żgħażagħ fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fi ħdan il-Kunsilli Lokali għaliex dawn jistgħu jagħtu perspettiva unika. Importanti li nkomplu nkattru l-interess fost iż-żgħażagħ fuq politika ta’ livell lokali.

Huwa importanti wkoll  intuhom l-għodda kollha neċessarja biex jistgħu jimplimentaw l-ideat tagħhom. Għaldaqstant l-iżvilupp diġitali, ambjentali, infrastrutturali u edukatltiv huma essenzjali. L-inizjattivi meħuda fil-Baġit 2022 kif ukoll l-strateġiji mħejjija mill-gvern tul dawn l-aħħar xhur u snin ser jgħinu biex dan jintlaħaq. Importanti li dan ma jiġix ikkunsidrat bħala it-tmiem ta’ proċess imma bħala l-bidu ta’ viżjoni fejn iż-żgħażagħ ser jikkontribwixxu għas-soċjetà b’saħħitha, għal pajjiż b’viżjoni u għal Malta aħjar. 

Din hija l-Malta li qed nistinka biex kull wieħed u waħda minnha jgħix fiha. Din hija l-Malta li dejjem rrid. Pajjiż fejn iż-żgħażagħ huma attivi, huwa ċentrali, huwa essenzjali għat-tfassil ta’ Malta ambizzjuża, Malta b’saħħitha, Malta li ser tkompli teċċella. Malta fejn jien nista’ nikkontribwixxi fl-iżvilupp taż-żgħażagħ li tant huma għal qalbi.

Ekonomija

Sport