Wednesday, October 9, 2024

‘Il-waterpolo huwa sport mill-isbaħ, li jagħtik karattru u personalitá – Alvaro Granados

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fost l-aqwa plejers tal-waterpolo fid-dinja fil-preżent. Huwa plejer indipensabbli ta’ Novi Beograd u tat-tim nazzjonali Spanjol. Temm fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers tal-Kampjonati Ewropej fil-Kroazja b’21 gowl. Ġie vuutat bħala l-Most Valuable Player (MVP), jiġifieri, l-aqwa plejer tat-tournament.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

M’għandi lil ħadd fil-familja li jilgħab il-waterpolo, hekk kif ħija kien jilgħab il-futbol. Madankollu, meta kont żghir, kont iddeċidejt li nibda nipprattika dan l-isport u minn hemm, qatt ma ħarist lura!

X’tikkummenta fuq l-esperjenza tiegħek ma’ Novi Beograd?

Dan huwa t-tieni staġun tiegħi magħhom, fejn ninsab tassew kuntent!

U fuq l-esperjenza tiegħek fil-Kampjonati Ewropej, fejn finalment spiċċajtu biex irbaħtuhom?

Kienet esperjenza mill-aqwa, fejn bħala tim konna ferm kumpatti u organizzati, u naħseb li kien tassew jimmeritana li nirbħu dawn il-Kampjonati Ewropej, għalkemm fil-finali, il-Kroazja, tawna battikata mhux żgħira!

Taħseb li l-back-hand stupend li skorjajt minuta minn tmiem il-finali, kien l-isbaħ gowl fil-karriera tiegħek sa issa?

Ma nistax ngħid jekk tabilħaqq kienx l-isbaħ gowl fil-karriera tiegħi … li nista’ ngħid hu li kien żgur l-aktar wieħed importanti!

Tqis li fil-futur tiġi tilgħab Malta?

Għandi niġi f’Malta fil-ġimgħat li ġejjin biex nitkellem ma’ klabb partikolari. Barra minn hekk, issa li tħabbar li l-Final Four tal-LEN Champions League, se jkunu qed isiru proprju f’Malta, se nkun qed inżar pajjiżkom fix-xhur li ġejjin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

Il-waterpolo huwa sport mill-isbaħ, li jagħtik karattru u personalitá! Pruvah u ma jiddispjaċikx żgur!

Sport