Wednesday, July 24, 2024

‘Il-pool f’pajjiżna qatt ma kien b’saħħtu daqskemm huwa bħalissa’ – Raymond Caruana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-jiem li għaddew, Raymond Caruana, sar iċ-Champion tal-Ewropa tal-Pool fil-Kategorija Over 50. Fil-finali tant mistennija, huwa għeleb lil Paddy Clarke tal-Irlanda Ta’ Fuq bl-iskor ta’ 8-4.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-pool?

Il-logħba tal-billiards minn dejjem kont inħobbha. Bdejt nilgħab il-logħba tas-snooker minn etá żgħira u għalkemm l-isnooker bqajt inħobbu kont jien li għaqqadt l-ewwel tim tal-pool ġewwa l- Jesmond’s Sporting Club il-Hamrun fejn għamilna diversi snin nilagħbu flimkien prattikament bejn hbieb li trabbejna flimkien.

X’tikkummenta fuq ix-xena tal-pool f’pajjiżna, bħalissa?

Il-pool f’pajjiżna qatt ma kien b’saħħtu daqskemm huwa bħalissa. It-talent li hawn huwa kbir, u żgur li fil-futur se jkollna ħafna iktar suċċessi. Għalkemm mhux faċli, hemm numru ta’ plejers li qegħdin jieħdu sehem fit-tours professjonali li jsiru regolarment fir-Renju Unit. Irrid ngħid li l-ispejjeż huma kbar u l-għajnuna li jsibu hija minima u jagħmlu sagrifiċċji kbar biex iwettqu l-ħolma tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Jien issa inħares b’ottimiżmu lejn il-Kampjonati Dinjija tal-Pool li se jkunu qed isiru ġewwa Blackpool fl-Ingilterra f’Ġunju li ġej, kemm bħala individwali, kif ukoll bħala timijiet.

Għaddi messaġġ finali lil min bhalek jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil pool.

Dawk iż-żgħażagħ / tfal li jixtiequ jibdew karriera fil-pool ngħidilhom li llum hawn ħafna opportunitajiet kemm ta’ taħriġ bażiku kif ukoll kompetizzjonijiet matul is-sena kollha. B’rieda u determinazzjoni, għandhom joħorġu l-aħjar tagħhom, biex b’hekk inkomplu nsaħħu din il-logħba tant popolari f’pajjiżna! 

Ekonomija

Sport