Tuesday, December 24, 2024

Il-WHO twissi dwar il-livelli għoljin tal-Covid-19 fl-Ewropa

Aqra wkoll

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qiegħda tbassar li l-Ewropa se tkun qiegħda tesperjenza “livelli għoljin” ta’ Covid-19 matul dan is-sajf u għalhekk ħeġġet lill-pajjiżi biex josservaw bir-reqqa s-sitwazzjoni. Il-WHO qalet dan hekk kif il-każi f’dawn l-aħħar xhar żdiedu kważi bit-tripplu. Id-direttur reġjonali tal-WHO għall-Ewropa Hans Kluge qal li, “hekk kif il-pajjiżi Ewropej neħħew il-miżuri soċjali li qabel kienu fis-seħħ, dan il-virus mistenni li jinfirex b’livelli għolja matul dan is-sajf.” Kluge żied jgħid li, “il-virus mhux se jisparixxi għax il-pajjiżi waqfu jħarsu lejh. Dan xorta għadu jinfirex, għadu xorta jinbidel, u għadu xorta jieħu l-ħajjiet.”

Fil-preżent, l-Ewropa qiegħda tintlaqat mis-sotto varjant tal-Omicron magħruf bħala BA.5 fejn dan qiegħed jaffettwa 53 pajjiż u qiegħed iwassal għal 500,000 każ ġdid kuljum. Din hija rata għolja ħafna meta wieħed jara li f’Mejju r-rata ta’ każi ġodda kienet ta’ 150,000 kuljum. 

L-Awstrija, Ċipru, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, Lussemburgu, u l-Portugall huma l-iktar pajjiżi li qiegħed ikollhom rati għolja għalkemm tista’ tgħid li l-pajjiżi kollha qed jirreġistraw numri għoljin ħafna. 

Ir-rata ta’ mwiet fil-preżent hija ta’ 500 kuljum, bejn wieħed u ieħor fl-istess livell tas-sajf ta’ sentejn ilu. 

Ekonomija

Sport