Għall-baġit Ewropew li jmiss (MFF), il-Kummissjoni Ewropea pproponiet l-AgoraEU, programm ta’ finanzjament speċifiku biex jappoġġja l-kultura, il-midja u s-soċjetà ċivili. L-MPE Alex Agius Saliba ppreżenta emendi mmirati għal din il-proposta li jagħmlu l-wirt kulturali bħall-festi organizzati minn organizzazzjonijiet volontarji eliġibbli biex jibbenefikaw minn dan il-programm ta’ finanzjament.
Il-programm propost AgoraEU jgħaqqad oqsma Ewropej preċedenti bħal Creative Europe u programmi ta’ finanzjament biex jappoġġjaw il-valuri demokratiċi, il-libertà tal-midja u inizjattivi kulturali oħra. Fix-xhur li ġejjin, il-Parlament Ewropew se jieħu l-pożizzjoni tiegħu u dan hu l-mument biex jiġi deċiż x’tip ta’ attivitajiet ikunu eliġibbli għall-finanzjament fil-perjodu 2028–2034.
‘Avvenimenti kulturali bħall-festi Maltin huma parti essenzjali mit-tessut soċjali tas-soċjetà tagħna u s-sens uniku tal-wirt intanġibbli tagħna jistħoqqlu jiġi protett. “Attwalment, taħt dan il-programm huwa diffiċli għal organizzazzjonijiet volontarji biex jaċċessaw il-finanzjament tal-UE. Issa hu l-mument li dan jinbidel u jinħolqu opportunitajiet ġodda għal dawk li jorganizzaw festivals kulturali,” qal l-MPE Alex Agius Saliba.
Bħala membru tal-kumitat tal-libertajiet ċivili (LIBE) inkarigat mill-AgoraEU, Agius Saliba ppropona emendi li jagħtu prijorità lill-festivals kulturali b’enfasi speċifika fuq il-kultura f’reġjuni remoti u periferiċi tal-UE. Barra minn hekk, l-emendi se jeħtieġu li l-programm jirrispetta l-bżonnijiet tal-organizazzjonijiet volontarji li jagħmlu dawn l-attivitajiet kulturali possibbli, u li dawn ikunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament tal-UE.
Alex Agius Saliba MEP sostna wkoll li “b’dawn il-bidliet proposti, nistgħu niżguraw li l-kultura Maltija u l-festi jkunu jistgħu jingħataw appoġġ. Irridu niċċelebraw il-kulturi Ewropej fid-diversità kollha tagħhom, speċjalment meta niddeċiedu dwar il-baġit tal-kultura tal-UE. Ir-reġjuni periferiċi u remoti, bħall-gżejjer u r-reġjuni muntanjużi, għandhom kultura rikka li l-Ewropa jeħtieġ li tgħożż.’

