Saturday, June 20, 2026

“Nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu fuq dawk li l-poplu fdalhom ir-responsabbiltà li jmexxu lil pajjiżna”

Aqra wkoll

“Illum ninsabu miġbura biex nitolbu d-dawl tal-Ispirtu s-Santu fuq dawk li l-poplu fdalhom ir-responsabbiltà għolja li jmexxu lil pajjiżna. Din iċ-ċelebrazzjoni mhijiex sempliċement tradizzjoni li takkumpanja l-ftuħ ta’ leġiżlatura ġdida. Qabel kollox, hija espressjoni tal-għarfien li kull awtorità umana, hi kemm hi importanti, tibqa’ limitata jekk ma tkunx megħjuna mill-Mulej, imdawla mill-għerf, immexxija mill-verità, u ispirata minn impenn sinċier lejn il-ġid komuni”.

Dan qalu l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi fl-omelija waqt il-quddiesa fil-ftuħ tal-Ħmistax-il Leġiżlatura, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Galea Curmi qal li l-Ispirtu s-Santu huwa l-Ispirtu jagħti l-għerf lil dawk li fuqhom qiegħda r-responsabbiltà tal-ħajja pubblika, biex jagħrfu li l-isfidi li niffaċċjaw ma jistgħux jiġu solvuti biss permezz ta’ kapaċitajiet tekniċi jew amministrattivi, imma jeħtieġu viżjoni morali, kuraġġ tal-kuxjenza u rispett profond lejn id-dinjità ta’ kull persuna. 

Irrimarka li; “Għalhekk illum nitolbu b’mod speċjali għal governanza mmexxija mill-valuri tal-onestà, tal-integrità u tal-kontabilità. Il-ħajja pubblika ma tistax tiffjorixxi fejn il-qerq isir aċċettabbli jew fejn l-interess personali jieħu post il-ġid komuni. Iċ-ċittadini jistennew li r-rappreżentanti tagħhom ikunu sinċiera fil-kelma, trasparenti fl-għemil u responsabbli fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħhom”.

Spjega li l-integrità hija l-koerenza bejn dak li wieħed jgħid u dak li jagħmel u li din hija l-kuraġġ li tagħmel dak li hu sewwa anki meta ma jkunx popolar u fedeltà lejn il-kuxjenza anki meta jkun hemm pressjonijiet biex wieħed jikkomprometti prinċipji fundamentali. 

Tenna jgħid li nazzjon jissaħħaħ meta jkun immexxi minn nisa u rġiel ta’ sinsla, li d-deċiżjonijiet tagħhom ikunu mmexxija mis-sewwa u mhux mill-konvenjenza. Huwa talab għal l-impenn imġedded favur il-ġustizzja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport