Friday, December 13, 2024

“Ilkom sentejn u xahrejn tfittxu xi rregolarità… ma sibtu xejn u qatt mhu se ssibu”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tenna li huwa faċli li tixħet it-tajn. Waqt l-aħħar dibattitu tal-kampanja elettorali Dr Abela qal: “Taf kif imxejt jiena kemm ili mmexxi lil dan il-pajjiż u anke qabel. Ilkom sentejn u xahrejn tipprovaw tqallbu u tfittxu xi rregolarità fil-mod kif mexxejt u qatt ma sibtu xejn u qatt mhu se ssibu.”

Mistoqsi dwar il-politika barranija, Robert Abela qal li ż-żewġ elementi prinċipali li se jkomplu jsejsu din il-politika fuqhom huma l-paċi u n-newtralità.

Dwar it-tensjonijiet fl-Ukrajna, huwa qal li konna madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew fejn ħdimna l-ewwel pakkett ta’ sanzjonijiet u dawk sussegwenti. “Rajna li l-prijorità kienet li nipproteġu lill-poplu tagħna minn kwalunkwe żieda fil-prezzijiet ikkaġunata mill-fatt li l-Ukrajna hi esportatur ewlieni tal-qmuħ u ċ-ċereali.” 

Mistoqsi dwar kif se jsaħħaħ il-governanza, il-Prim Ministru qal li f’dan il-qasam fl-aħħar sentejn ittieħdu deċiżjonijiet li ttieħdu jitkellmu waħedhom fosthom bil-bidliet fil-mod kif jinħatar il-Kummissarju tal-Pulizija, u l-ħatra tal-Prim Imħallef u tal-President tar-Repubblika.

Dwar l-FATF qal li jinsab sodisfatt li “ġie indirizzat il-pjan ta’ azzjoni u li f’April li ġej se tiġi delegazzjoni f’Malta biex tagħmel ‘on site visit’ imbagħad inħarsu l quddiem għall-plenarja f’Ġunju.”

Min-naħa tiegħu, Bernard Grech qal li l-Oppożizzjoni ppreżentat 12-il abbozz ta’ liġi dwar il-governanza li l-membri tal-Gvern ivvotaw kontra tagħhom. Qal ukoll li l-konklużjonijiet tal-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, sal-lum il-Gvern għadu ma implimentahomx.

“Għalhekk importanti li jkollok xi ħadd li jkun kredibbli li jmexxi dan il-pajjiż. Il-governanza kienet, għadha u tibqa’ importanti,” qal Dr Grech. 

Ekonomija

Sport