Monday, December 23, 2024

“Illum ħafna nies diġà rċevew żewġ ċekkijiet”

Aqra wkoll

Is-settur tal-festi, flimkien mat-turiżmu kien wieħed mill-aktar impattati mill-pandemija. Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt intervista minn Ħal Kirkop.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-każini tal-banda u kif il-gvern daħal biex jixtri l-każini mingħand is-sidien privati biex ikun jista’ jidħol fi ftehim mal-għaqda biex ikollha titolu xorta. Min kien laħaq xtara l-art, Abela kien ċar li l-gvern mhuwiex se jħallihom waħidhom u għalhekk se jkunu qegħdin jinħarġu skemi oħra li jgħinu.

“Nemmen u se jkollna sajf tradizzjonali u normali li jfisser l-organizzazzjoni tal-festi tagħna b’mod normali”, sostna Abela filwaqt li appella lil dawk li għadhom ma ħadux il-vaċċin jew il-booster biex jagħmlu dan sabiex inkunu nistgħu nirritornaw kemm jista’ jkun malajr lejn in-normalità.

Rigward il-ġustizzja soċjali, il-Prim Ministru fakkar kif gvern Laburista fl-2017 alloka aktar minn €66 miljun biex jissewwew inġustizzji tal-passat. Kellek nies li moralment kellhom raġuni, iżda baqgħu ma tħallsux tal-overtime tagħhom. Fakkar kif il-Pulizija kellhom kollox l-iswed fuq l-abjad, iżda gvern Nazzjonalista ċaħħadhom mill-ħlas tal-overtime tagħhom. Ma’ dawn semma numru ta’ skemi oħra sostenibbli b’wegħdi li tqassmu fuq medda ta’ snin b’responsabbiltà. Il-Prim Ministru assigura lil dawk kollha li għad trid tittieħed deċiżjoni dwar il-każi tagħhom li dawn se titteħed deċiżjoni dwarhom kollha.

Abela tenna l-impenn tiegħu li jara li l-prezz tal-enerġija jinżamm stabbli filwaqt li pajjiżi oħra qegħdin jixħtu l-piż fuq spallejn in-nies. Barra minn hekk, il-Prim Ministru qal li mil-lum ġew jaslu wkoll €70 miljun f’ċekkijiet. Fakkar li l-għażla hija ċara jekk il-poplu jridx jara żieda f’dawn iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa kull sena jew ħaddieħor li se jkun qiegħed iċaħħad lill-poplu minnhom. Żied jgħid li dan ma kienx biżżejjed u l-gvern dehrlu li kellu jinħareġ ċekk addizzjonali u bħalma kienet il-wegħda, illum ħafna nies diġà rċevew żewġ ċekkijiet.

Il-Prim Ministru mill-ġdid appella lil kulħadd biex jiġbor il-vot tiegħu u jwassal il-messaġġ favur il-pożittività. Stieden lil dawk kollha li għandhom weġgħat biex jersqu u jitkellmu, lil dawk li għandhom ilmenti ġustifikati wegħedhom li se se jkunu qegħdin jingħataw soluzzjonijiet u għalhekk jeħtieġ li l-poplu jisilfu l-fiduċja tiegħu biex ikompli jkattar il-ġid.

Ekonomija

Sport