Saturday, December 21, 2024

ILLUM IL-MILIED … GĦADA L-ISTRINA

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Illum Jum il-Milied. Jum li fih inissel ferħ f’numru ta’ nies, iżda jnissel ukoll niket f’dawk li f’dawn iż-żminijiet tilfu li xi qarib tagħhom. Kuraġġ lil kull min f’dan il-perjodu jkun jixtieq jifraħ u mhux dejjem ikun jista’.

Għalina bħala Ministeru, b’mod partikolari fejn jidħol il-kunċett ta’ inklużjoni, nikkunsidraw lill-persuni b’diżabilità bħala l-familja estiża tagħna. Huwa wkoll iż-żmien li matulu nieqfu ftit nirriflettu fuq dak li nkunu għamilna b’risq dan is-settur filwaqt li nippreparaw fuq dak pjanat għas-sena l-ġdida bil-għan li nkomplu nkunu ta’ spalla għal dawn ħutna.

Ħidmietna m’għandhiex titqies bħala xi att ta’ karità, anke jekk matulha ħafna u ħafna drabi noħorġu barra minn triqtna. Ħidmietna f’dan il-qasam hija dmir u dover tagħna. Dmir u dover fuq spallejna li b’sodisfazzjon kbir ngħid li meta twettaqhom tħossok ferm kuntenta. X’hawn isbaħ milli tagħmel il-ħajja ftit aħjar milli tkun għal dak l-individwu u qrabatu li jistgħu jkunu qegħdin jaħsbu li d-diżabilità tkun destinata li se tibqa’ żżommhom lura mill-kumplament tas-soċjetà?

Tifhem dan kollu aktar fil-fond meta tara fir-realtà, fil-konkret, x’ikun ifisser għal persuna b’diżabilità li rnexxilek toħolqilha l-possibiltà tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq ħaddieħor. Dan qegħdin nagħmluh permezz tal-proġett Way to Work, liema proġett qed jipprepara lill-persuni b’diżabilità biex mhux biss jidħlu fid-dinja tax-xogħol imma jibnu karriera. Billi tajtha l-possibiltà li tgħix ħajja aktar indipendenti, anke jekk bi ftit għajnuna, fi djar fil-komunità. Billi emmint fiha, urejtha fiduċja li anke hi kapaċi tasal fejn jasal ħaddieħor. Billi tnissel fiha r-rieda li tagħraf li minkejja kollox m’hemm xejn li għandu jżommha eskluża mill-bqija tal-komunità.

Għal dawn l-għanijiet tul din is-sena, li issa riesqa lejn tmiemha, għamilna dak kollu possibbli. Ma jfissirx li wasalna. Żgur li le. U jkun ħażin jekk xi darba naħsbu li wasalna għax ladarba naħsbu hekk ikun il-mument li fih tibda tnaqqas mir-ritmu ta’ ħidmitek. Dak li għamilna, filwaqt li jnisslilna sodisfazzjon, għandu jkompli jixprunana għal aktar ħidma b’risq il-persuni b’diżabilità.

Rigal isbaħ minn hekk ma nistgħux nagħtuhom. Din hija ħidma kollettiva u rrid nieħu din l-opportunità biex f’isem il-persuni b’diżabilità, f’isem qrabathom, nirringrazzja lil dawk kollha fil-Ministeru, fl-entitajiet, awtoritajiet, li jaqgħu taħtna u li ħidmiethom hija direttament u anke indirettament mal-persuni b’diżabilità, għal ħidmiethom filwaqt li ninkoraġġihom biex flimkien inħarsu lejn sena ġdida impenjattiva.

Prosit u grazzi mill-ġdid għal ħidmietkom.

Jekk il-Bambin irid għada jisbaħ jum ieħor impenjattiv għalina bħala poplu – Jum L-Istrina, l-attività ewlenija tal-President tar-Repubblika b’għan mill-aktar nobbli. Jagħmel kemm jagħmel l-Istat qatt m’hu biżżejjed quddiem l-isfidi u s-saram li toffri l-ħajja.

Xħin tara kemm għajnuna jkunu jeħtieġu dawk milqutin, fost affarijiet oħra, minn mard kiefer, għandek tħossok kburi, sodisfatt li kkontribwejt dak li tiflaħ tikkontribwixxi għall-fond tal-Istrina.

Għada huwa jum speċjali. Jum li matulu għandna nieqfu minn kollox u naħsbu primarjament f’kemm huwa nobbli l-għan li hemm wara L-Istrina. Huwa jum li għandu, kif nemmen bis-sħiħ li se jagħmel, jgħaqqadna bħala poplu. Jum li matulu għandna ninsew id-differenzi li jista’ jkun hemm f’ideoloġiji, huma x’inhuna. Differenzi li għandna nuru kapaċità inwarrbuhom fil-ġenb biex f’ħidma kollettiva nagħtu rigal mill-isbaħ lill-Presidenza tar-Repubblika ta’ Malta biex permezz tal-Community Chest Fund tkompli tkun ta’ għajnuna bla qies għal dawk ħutna li jkunu jeħtieġu l-għajnuna.

Il-poplu Malti u Għawdxi għaraf, sena wara l-oħra, iqum għal din l-okkażjoni, biex irnexxielu kull darba jwassal biex minn għajnejn il-President tar-Repubblika jaqbeż dmugħ il-ferħ fi tmiem festa ta’ solidarjetà bħalma hija L-Istrina.

Nistiednek biex int u familtek waqt li llum tkunu fil-ġabra tal-Ikla tal-Milied taħsbu wkoll f’din l-attività. Kemm ikun ġest sabiħ li kull familja tagħmel ġabra biex għada jwassluha lill-President tar-Repubblika u b’hekk tkompli tkun garantita ħidma daqstant nobbli bħal dik li ssir mill-Community Chest Fund.

Nieħu din l-okkażjoni biex nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom, lill-għeżież tagħkom, Milied Hieni u Sena Ġdida mimlija risq, hena u saħħa.

Ekonomija

Sport