Friday, April 19, 2024

Il-ġenerożità tan-nies taqta’ x-xewqa ta’ 2,371 tifel u tifla għal dan il-Milied

Aqra wkoll

Il-poplu Malti u Għawdxi għal darb’oħra pparteċipa bi ħġaru fl-inizjattiva soċjali għal żmien il-Milied magħrufa bħala ċ-Children’s Dreams li ssir b’kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Goodwill u l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Grazzi għall-ġenerożità tal-poplu, dan il-Milied se tinqata’ x-xewqa ta’ 2,371 tifel u tifla.

Il-familji u n-negozji interessati huma dawk li jagħmlu din l-inizjattiva ħajja peress li huma stess jikkontribwixxu biex jinxtraw rigali tal-Milied għal tfal vulnerabbli li jkunu għaddejjin minn diversi sfidi f’ħajjithom. Ix-xewqat tat-tfal ivarjaw minn affarijiet sempliċi bħal xi gugarell u pupa sa ħolm ieħor bħal ħwejjeġ jew kors f’xi dixxiplina partikolari. Maria Azzopardi, uffiċjal tal-Marketing tal-FSWS tkellmet dwar dan mad-Direttur għall-Kura Alternattiva fi ħdan l-FSWS, Remenda Grech.

Kif twieldet din l-inizjattiva f’Malta? u kif evolviet matul is-snin?

L-inizjattiva bdiet għaxar snin ilu u dak iż-żmien kont naħdem fil-komunità tal-Kottonera. Kienet avviċinatni Lina Pecorella, persuna li tgħix f’Malta però kienet involuta wkoll f’pajjiż barra minn Malta fejn hemmhekk rat din l-inizjattiva titwieled u tissaħħaħ. Hija esprimiet x-xewqa li ġġib din l-inizjattiva f’Malta u wara li tkellimna u kelli wkoll diskussjonijiet mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS ta’ dak iż-żmien, iddeċiedejna li nibdew proġett bi prova. 

Bdejna b’mitt każ u konna ftit dubjużi għall-bidu għax ma konniex nafu kif se jintlaqa’ u kienet l-ewwel darba li fil-verità kellna npoġġu bilqiegħda u nippruvaw nagħmlu sommarju tal-istejjer tan-nies li aħna bħala professjonisti naħdmu magħhom.

Dawk il-mitt każ intlaqgħu u nqatgħu mill-ewwel. Għaldaqstant meta rajna li s-soċjetà Maltija u Għawdxija xtaqet tikkontribwixxi biex tgħin lill-familji li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli, rajna li dan il-proġett stajna niftħuh aktar għal servizzi fi ħdan l-FSWS.

X’inhu l-proċess eżatt ta’ din l-inizjattiva u għal min hija indirizzata?

L-inizjattiva hija miftuħa għat-tfal li jgħixu f’familji li jkunu għaddejjin minn bosta problemi soċjali, tfal vulnerabbli li jkunu qegħdin jgħixu f’sitwazzjonijet diffiċli fl-ambjent tad-dar tagħhom u tfal li jgħixu f’bosta djar residenzjali. Ħafna minnhom ikunu qed jirċievu s-servizz direttament mill-FSWS, filwaqt li oħrajn jkunu f’diskussjoni mal-professjonisti biex jaraw liema huma l-aħjar servizzi għalihom.

Sa minn Awwissu diġà nkunu nafu dawk il-familji li potenzjalment se jkollhom bżonn jingħataw din l-għajnuna. Il-professjonisti fi ħdan l-FSWS jgħidulna bil-familji li jixtiequ li jippreżentaw għall-attenzjoni tagħna biex it-tfal ikunu jistgħu jirċievu rigal. F’Settembru t-tim fiċ-ċentru ta’ din l-inizjattiva jibda jara dan il-ħolm u f’każ li jkun hemm minnhom li mhumiex ċari jistgħu jiċċarawhom mal-ħaddiema soċjali jew il-professjonist li jkun ippropona dik il-familja.

Meta t-tim ikun kunfidenti li nistgħu nippreżentaw dawk il-każijiet għall-attenzjoni tal-pubbliku, ngħaddu l-lista lil min imexxi s-sit, il-GoodWill Foundation, biex jippubblikawhom.

Meta f’Ottubru titnieda l-inizjattiva, il-poplu jkun jista’ jara l-ħolm kollu fuq is-sit childrensdreams.org u jagħżel ħolma partikolari li jħoss li jista’ jikkontribwixxi għaliha. Il-poplu huwa liberu li jagħti affarijiet sew jekk huma second-hand, ġodda jew vawċers. 

Kif kampanja li issa ilha ssir għal dawn l-aħħar snin, tibqa’ rilevanti u possibbli li ssir?

F’Malta għandna xi ħaġa sabiħa illi n-nies jafu lil xulxin u ssib min jitkellem anke f’isem dawk il-familji li qed ibatu biex b’hekk jiġi assigurat li l-ebda tifel jew tifla ma jaqgħu lura. 

Nemmen li l-inizjattiva taċ-Children’s Dreams hija opportunità li biha nsiru nafu l-familji li għandhom bżonn l-għajnuna u b’hekk nippruvaw inresquhom lejn is-servizzi li aħna noffru.

Dan ifisser li l-idea mhix biss li nagħtu rigal imma saħansitra biex ngħinu lil dik il-familja li għandha bżonn u li għadha ma resqitx lejn is-servizzi tagħna ħalli nagħtuha l-informazzjoni neċessarja. Bħala Fondazzjoni nużaw kull tip ta’ opportunità, inkluż din l-inizjattiva, biex insiru nafu lil dawn il-familji, inqarbu aktar lin-nies lejn is-servizzi u nipprovdulhom l-għajnuna li għandhom bżonn.

Din il-kampanja għandha l-għan li tassigura li tinqata’ x-xewqa ta’ dawk it-tfal li jkunu ġejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli. Kemm-il ħolma se tkun qed tiġi maqtugħa din is-sena u kif tiddeskrivi dan is-suċċess?

Din is-sena għandna 2,371 ħolma u meta tħares lejn l-aħħar snin tara li l-ħolm dejjem qed jiżdiedu. Dan huwa marbut mal-fatt li ħafna drabi meta kampanja tkun qed tagħmel suċċess, is-suċċess tagħha stess jibda jattira aktar nies li jibdew jistaqsu dwarha.

Is-suċċess mhux biss marbut mal-fatt li naqtgħu x-xewqa tat-tfal imma wkoll għax l-inizjattiva hija opportunità għal ħafna nies biex f’każ li qatt ma jkunu semgħu bis-servizzi li noffru bħala Fondazzjoni, ikun jista’ jersaq aktar qrib lejn is-servizzi tagħna u jsir jaf dwar x’għajnuna noffru. 

Is-suċċess tal-inizjattiva niġbru taħt żewġ aspetti. L-ewwel nett minħabba l-fatt li naraw lit-tfal ferħanin għaliex fl-aħħar mill-aħħar l-istil ta’ ħajja li jgħixu l-ġenituri tagħhom mhuwiex fil-kontroll tat-tfal. F’każ li l-istil ta’ ħajja ma jippermettix li dawk it-tfal ikollhom ċertu rigali, naħseb li huwa d-dover tagħna bħala soċjetà li mhux biss ngħinu lil dik il-familja imma xi kultant inferrħu lit-tfal.

Apparti minn hekk permezz tal-kampanja nressqu aktar nies li forsi qatt ma kellhom diffikultajiet soċjali però ma jafux bil-ħidma intensiva li ssir fi ħdan il-Fondazzjoni u għalhekk inkabbru l-għarfien dwar is-servizzi varji tagħna.

Hija esperjenza sabiħa meta l-‘isponsors’ jiġu fl-uffiċini tagħna u kultant jieħdu l-opportunità biex iġibu lit-tfal tagħhom meta jkunu se jagħtu r-rigal. Hemmhekk naħtfu l-okkażjoni biex nispjegaw l-għajnuna vasta li noffru. Nemmen li hemm bżonn li nqajmu aktar għarfien anke fost dawk li jiġu bir-rigal biex jekk fil-futur isiru jafu b’familja li għandha bżonn l-għajnuna tal-FSWS ikunu jistgħu jgħinuha biex tersaq lejn is-servizzi li noffru.

Il-ħolm tat-tfal ivarja minn affarijiet sempliċi u bażiċi bħal xi ikla jew xi ħarġa ċ-ċinema, sa ħolm ieħor bħal xi kors f’xi dixxiplina jew snajja’ partikolari. Liema jkunu l-aktar talbiet prevalenti li taraw? Ikun hemm ukoll talbiet partikolari u x’realtà juru dawn ix-xewqat?

Naraw li tfal ta’ età żgħira jesprimu ħolm sempliċi ħafna fosthom li jilgħabu b’ċertu pupi. F’familji fejn forsi jkun hemm aktar minn wild wieħed, insibu każijiet fejn iż-żgħir tal-familja jgħid li jkun issellef il-pupi tal-aħwa l-oħra u jesprimi x-xewqa li jkollu l-ġugarell tiegħu. Hawnhekk tispikka s-sempliċità u l-innoċenza tat-tfal. 

Naraw tfal li jkunu konxji tas-sitwazzjoni tal-familja tagħhom u għaldaqstant jistaqsu għal affarijiet oħrajn. L-inkwiet tagħhom ikun għax il-ġenituri forsi jkunu jafu li għandhom id-diffikultajiet u dawk l-istess diffikultajiet ikunu qed iġorruhom t-tfal. 

Din is-sena kellna tfajla partikolari li għaddejja minn sitwazzjoni medika diffiċli ħafna. Minħabba f’hekk ommha ddeċidiet li tieqaf mix-xogħol biex tkun tista’ takkumpanjaha għall-appuntamenti tal-isptar. Peress li din it-tifla taf li ommha waqfet mix-xogħol, mela potenzjalment id-dħul finanzjarju tal-familja naqas, meta tkellimna magħha ħsibna li se titlob xi ħaġa għaliha personali iżda fil-verità talbet xi ħaġa oħra minħabba li kienet qed tħoss għas-sitwazzjoni familjari.

Hemmhekk tibda tirrealizza li t-tfal mhumiex egoisti imma jkunu tassew konxji dwar dak li jkun qed jiġri fil-familja. Fil-fatt xi kultant iħossu bħal donnu ċertu rimors meta jitolbu rigal għalihom infushom għax ma jkunux iridu jkunu ta’ aktar piż fuq il-familja. 

Il-kampanja issir biex tferraħ lil dawk it-tfal vulnerabbli, iżda apparti r-rigal xi jkunu qed jieħdu minnha? Kif tiddeskrivi din l-inizjattiva?

Ħaġa li se tibqa’ dejjem f’qalbi, speċjalment meta personalment mort nagħti r-rigali, hija t-tbissima f’għajnejn f’dawk it-tfal li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u jaf anke minn trawmi kbar li ħafna nies forsi ma jirrealizzawx li jeżistu.

B’din l-inizjattiva t-tfal jesperjenzaw ferħ, titnislilhom tbissima u jħossuhom maħbubin. It-tfal jitgħallmu biex jibqgħu jaħsbu li xi darba kien hemm min tassew ħaseb fihom u din hija xi ħaġa li japprezzaw ħafna. Hemmhekk inkunu qed ngħaddulhom messaġġ b’saħħtu li minkejja d-diffikultajiet li jesperjenzaw, fis-soċjetà tagħna għad hawn nies li jaħsbu fihom. Dak huwa l-messaġġ ta’ tama li rridu nwasslu –  jekk inti għandek bżonn l-għajnuna, din qiegħda hawn għalik. 

Minn Maria Azzopardi, uffiċjal tal-Marketing tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS)

Sport