Monday, May 13, 2024

Illum issir ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien fil-Port il-Kbir

Aqra wkoll

Illum ssir ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien, ġimgħa qabel il-jum proprju. Dan minħabba li fi tmiem il-ġimgħa li ġej il-Knisja Kattolika tkun qed tipprepara u tiċċelebra l-festa tal-Għid il-Kbir. 

Intant, f’din l-edizzjoni l-holders l-Isla mistennija jkol­lhom sfida denja miż-żewġ rivali Bormla u l-Birgu hekk kif jid­hru armati. 

Fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, is-Sen­gleani kienu ddominaw din ir-Regatta meta rebħu erba’ tiġrijiet minn massimu ta’ ħamsa bil-konsegwenza li tellgħu total ta’ 74 punt, segwiti minn Bormla li kisbu 40. 

Huma kienu rebħu t-tiġrijiet tad-Dgħaj­jes tal-Midalji (Redeemer Rapa, Glenn Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci); tal-Frejgatini (Davison Micallef u Clyde Mizzi, bit-tmuniera tkun Melvana Micallef);  tal-Kajjikki (Davison Micallef u Andre Gauci) u tal-Tal-Pass b’Erba’ Imqadef (Redeemer Rapa, Glenn Zam­mit, Russell Bugeja u Andre Gauci) …  filwaqt li Bormla rebħu dik tal-Pass ta’ bi    Tnejn (Dennis Thornton u Clive Casha). 

Ta’ min wieħed jagħmel parentesi u jgħid li din kienet l-20 darba nfila li l-koppja Thornton u Casha rebħu din it-tiġrija. 

F’Kategorija B, Bormla għandhom il-monopolju u d-dominju assolut hekk kif rebħu l-Aggregate Shield għal dawn l-aħħar erba’ edizzjonijiet, bl-eċċezzjoni li r-Regatta ma saritx fl-2020 u fl-2021 minħabba l-pandemija tal-Covid-19. 

Peró, is-sena l-oħra kellhom sfida qawwija mill-Kalkara hekk kif id-differenza ta’ punti kienet ta’ tnejn, fejn Bormla kienu ħarġu rebbieħa b’total ta’ 50 punt. 

Huma kienu rebħu t-tiġrijiet tad-Dgħaj­jes tal-Midalji (Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Clyde Debattista u Yan­nick Pace),  u dik ta’ tal-Pass b’Erba’ Imqadef (bl-istess ekwipaġ) filwaqt li l-Kalkara kienu rebħu dik tal-Kajjikki (Jean Claude Cassar u Joseph Pace). 

U filwaqt li Bormla kienu temmew fit-tielet post tal-Pass ta’ bi Tnejn, il-Kalkara kienu spiċċaw it-tieni f’Tal-Pass ta’ bi       Tnejn, f’tad-Dgħajjes tal-Midalji … u t-tielet f’tal-Frejgatini, u f’tal-Tal-Pass b’Erba’ Imqadef.

Iż-żewġ tiġrijiet l-oħra ntrebħu mill-Isla u minn Birżebbuġa. 

L-Isla rebħu tal-Pass ta’ bi Tnejn (Marlon Cutajar u Kevin Camilleri) filwaqt li Birżebbuġa ttrijonfaw fil-Frejgatini (Brolin Ge­novese u Mel Magro bit-tmunier ikun b’Kayzil Curmi). 

Il-Bormliżi jimmiraw li jirbħu l-Aggregate Shield taż-żewġ kategorija għall-14-il darba.  Huma jistgħu jiftaħru li rebħu l-aktar darba ż-żewġ shields, bl-eqreb rivali huma Marsa (11), f’Kategorija Open, u l-Isla (7) f’Kategorija B. 

Intant, il-clubs li se jieħdu sehem f’din l-edizzjoni huma: Birgu, Birżebbuġa, Borma, Isla, Kalkara, Marsa, Marsamxett u Siggiewi.

Se jkun hemm ħames tiġrijiet f’kull kategorija u qabel dan il-programm se ssir tiġrija tal-Frejgatini tan-nisa. 

It-tiġrijiet fl-ordni huma: Dgħajjes tal-Midalji; Frejgatini; Tal-Pass ta’ Bi Tnejn; Kajjikki; Tal-Pass B’Erba’ Mqadef.

Din ir-Regatta se ssir fil-Port il-Kbir u l-programm jibda fin-12.30 pm.  

Sport