Il-bniedem, sa minn għexieren ta’ snin ilu evolva intelletwalment sa anki sar l-iktar esseru intelliġenti fid-dinja tant li fl-intelliġenza tiegħu saħansitra rnexxielu jiskopri ħwejjeġ u ġrajjiet li jmorru lura sekli sħaħ fiż-żmien.
Il-bniedem irnexxielu wkoll jasal sal-qamar u issa qed jaħseb ukoll kif jista’ jtir lejn dinjiet oħra fl-immensità tal-univers. Skopra u avvanza teknoloġiji li tejbu u tawlu l-ħajja tan-nies u llum ħafna avvanzi xjentifiċi wasslu biex il-mediċina tagħmnel il-mirakli. Minkejja dawn l-avvanzi tal-meravilja, il-bniedem iżda għad ma rnexxilux jegħleb il-mikrobu tal-mibegħda u bħal donnu li dan il-fenomenu huwa ggranfat fil-ġeni u DNA umani.
F’dan il-kuntest, ta’ kull sena bħal-lum 27 ta’ Jannar, il-komunità internazzjonali fi ħdan il-Ġnus Magħuda tfakkar il-ġenoċidju tal-olokawst, simbolu tal-ikbar u l-agħar traġedja mill-bnedmin fuq bnedmin oħra. It-tfakkira tiegħu minbarra li tafferma mill-ġdid impenn li l-Olokawst se jibqa’ jkun għal dejjem twissija għan-nies kollha dwar il-perikli li jinbtu mill-mibegħda, bigottiżmu, razziżmu u preġudizzju iġġedded ukoll il-wegħda li mhux se jitħalla ġenoċidju ieħor jerġa’ jseħħ.
F’dan il-jum ukoll, il-Kunsill tal-Ewropa tenna li l-ġenerazzjoni tagħna u l-ġenerazzjonijiet li ġejjin għandhom ir-responsabbiltà li jgħaddu t-tifkira tal-vittmi ta’ din it-traġedja enormi. Il-qtil sistematiku ta’ sitt miljun Lhudi Ewropew min-nażisti u l-ħajjiet mitlufa ta’ għadd kbir ta’ vittmi oħra soġġetti għall-barbariżmu tal-Olokawst qatt ma jistgħu jintesew. Lanqas ma tista’ tiġi aċċettata ċaħda jew distorsjoni tal-Olokawst.
Għal ħafna minna llum, dawn in-numri jistgħu jkunu diffiċli biex jinftiehmu, iżda quddiem l-iskala kbira tal-orrur, hemm il-periklu li nitilfu s-sofferenza umana tal-vittmi individwali.
Imma filwaqt li llum it-tfakkira tikkonċerna l-olokawst fil-kampijiet ta’ konċentrament f’Dachau, Auschwiutz u Birkenau, mhux il-ġenoċidju min-nażisti biss seħħ fl-istorja tal-umanità. Kien hemm oħrajn ukoll, bħalma kien dak ta’ Rwanda u l-massakru tal-Armeni Kristjani mill-forzi Ottomani, provi dawn li l-bniedem xi drabi jħalli l-istint kattiv jiġri bih.
Għalhekk, f’dan il-jum il-komunità internazzjonali għandha ttenni li lesta tagħmel minn kollox biex qtil tal-massa aktar ma jkunx hemm. Dan isir biss jekk id-dinja ssir aktar ħanina biex l-umanità ma terġax tgħaddi minn ġennati li jwasslu għall-qerda tagħha stess.