Wednesday, April 17, 2024

L-Ukrajna tista’ tibbojkottja l-Olimpjadi 2024 jekk atleti Russi u Belarussi jitħallew jieħdu sehem

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá kbira li l-Ukrajna tista’ tibbojkottja l-Olimpjadi ta’ Pariġi 2024, jekk l-atleti Russi u Belarussi jitħallew jikkompetu … saħaq il-ministru tal-isport tal-pajjiż.

Il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali nhar l-Erbgħa li għadda qal li se “jesplora triq ġdida” għall-atleti miż-żewġ pajjiżi konċernati biex jieħdu sehem bħala newtrali.

Il-Gvern tar-Renju Unit ikkundanna l-pjan bħala “dinja ‘l bogħod mir-realtà tal-gwerra”.

“Il-pożizzjoni tagħna ma nbidlitx,” qal il-Ministru tal-isport tal-Ukrajna, Vadym Guttsait.

“Sakemm ikun hemm gwerra fl-Ukrajna, l-atleti Russi u Belarussi m’għandhomx ikunu f’kompetizzjonijiet internazzjonali.”

Meta kiteb fuq il-paġna uffiċjali tiegħu ta’ Facebook, Guttsait qal li l-korpi sportivi tal-Ukrajna għandhom bżonn “issaħħu l-komunikazzjoni” mal-federazzjonijiet internazzjonali biex iżommu l-projbizzjoni fis-seħħ u qed jaħdmu fuq “aktar passi possibbli” biex ikomplu s-sanzjonijiet.

Huwa żied jgħid: “Jekk ma nisimgħux, ma neskludix il-possibbiltà li nibbojkottjaw u nirrifjutaw il-parteċipazzjoni fl-Olimpjadi.”

Guttsait, li huwa wkoll president tal-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Ukrajna, qal li l-kumitat eżekuttiv tagħhom beda jikkonsulta mal-federazzjonijiet nazzjonali tal-isport dwar il-bojkott possibbli.

“Nittama li l-federazzjonijiet, l-atleti u d-dinja ċivilizzata kollha jirrikonoxxu dan il-każ serju biex ma jkollniex għalfejn nirrikorru għal azzjonijiet drastiċi.”

Ekonomija

Sport