Illum id-9 ta’ Mejju huwa Jum l-Ewropa, jum li fih niċċelebraw l-għaqda u l-prosperità fil-kontinent Ewropew. Kull sena f’dan il-jum infakkru l-ġurnata meta fl-1950, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Franċiż, Robert Schuman kien għamel dikjarazzjoni li biha stieden lil Franza, lill-Ġermanja u pajjiżi oħra jingħaqdu f’Istituzzjoni Ewropea li tkun ’il fuq minn kull pajjiż individwali msieħeb fiha u li tieħu ħsieb l-industrija tal-faħam u l-azzar, li f’dak iż-żmien kienu l-bażi ta’ kull qawwa militari.
Fil-kuntest ta’ tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, u l-firda li ġabet magħha din il-gwerra, il-ħtieġa għall-għaqda u l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-Ewropa kienet waħda b’saħħitha. Għaldaqstant, il-proposta ta’ Schuman wasslet biex numru ta’ pajjiżi Ewropej ingħaqdu flimkien għal iktar stabbiltà u paċi, li għadna ngawdu s’issa, f’dik li illum hija l-Unjoni Ewropea.
Dak li ġab il-pajjiżi Ewropej, għalkemm għal raġunijiet differenti, qiegħed jerġa’ jkun okkażjoni biex l-Unjoni Ewropea turi fil-prattika li kapaċi twettaq is-solidarjetà li ġiet ibbażata fuqha. Illum il-ġurnata, l-Unjoni Ewropea hi meqjusa bħala punt ta’ referenza fuq livell globali.
Fil-każ tal-pandemija, rajna kif l-Unjoni Ewropea għenet biex l-Istati Membri jikkoordinaw ir-rispons nazzjonali tagħhom. Dan jinkludi l-għoti ta’ informazzjoni oġġettiva dwar it-tixrid tal-virus u l-isforzi effettivi biex jitrażżan, kif ukoll permezz ta’ miżuri meħuda biex jitnaqqsu l-ħsarat ekonomiċi u soċjali li ġabet magħha l-pandemija. Għenet ukoll fl-irkupru bl-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat mil-Unjoni Ewropea – NextGenerationEU – biex l-Istati Membri joħorġu aktar b’saħħithom mill-pandemija.
Sadanittant, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa, diversi bliet prominenti Ewropej jixegħlu monumenti storiċi biex ifakkru dan il-jum. Din il-mixegħla tagħti dehra differenti lil dawn il-monumenti li jirriflettu l-ġrajja tal-popli. F’Malta wkoll jitfakkar dan il-jum b’bosta attivitajiet li jittellgħu minn Servizzi Ewropej f’Malta u Europe Direct Valletta fost oħrajn.
Fuq kollox, Jum l-Ewropa jfakkarna dwar kemm l-Unjoni Ewropea tmiss il-ħajja tagħna ta’ kuljum, fid-drittijiet li ngawdu, fis-servizzi li nużaw, fil-fondi li jkunu qed jiġu investiti fil-komunitajiet tagħhom u anke fl-opportunitajiet li jinfetħu għaċ-ċittadini, għaqdiet, kunsilli lokali, negozji, l-istudenti u anke l-familji.


