Sunday, November 24, 2024

Illum tintlagħab il-finali tal-Coppa Italia bejn Juventus u Inter

Aqra wkoll

Kemm Juventus kif ukoll Inter rebħu s-semi-finali tagħhom b’aggregate ta’ 3-0 u meta ż-żewġ timijiet għandhom xi ħaġa x’jippruvaw, il-finali tal-Coppa Italia ta’ din is-sena li se tintlagħab illum fi Stadio Olimpico ta’ Ruma fid-9.00 pm għandha toffri spettaklu.

Din se tkun it-tielet finali bejn iż-żewġ timijiet b’Juventus jirbħu t-tnejn preċedenti, 4-1 fl-1958-59 u 1-0 fl-1964-65 u b’kollox 14-il darba waqt li Inter rebħuha seba’ darbiet.

Din li ġejja hija ħarsa ‘l quddiem lejn dik li żgur se tkun finali ferm missielta.

Wara staġun ta’ inkonsistenza, Juventus qed jimmiraw li jirbħu t-trofew tal-Coppa Italia għat-tieni sena wara l-oħra u b’hekk jispiċċaw fuq nota pożittiva f’dak li kien, skond il-livelli tagħhom, staġun medjokri.

Wara li għelbu bil-kumditá lil Fiorentina bi tliet goals fuq żewġ legs fl-aħħar erbgħa, Juventus se jidħlu fil-partita tal-konklużjoni tal-kompetizzjoni b’kunfidenza.

Paulo Dybala, li skorja darbtejn fl-aħħar tliet dehriet tiegħu, jinsab f’forma tajba tal-goals u huwa mistenni li jsib ix-xibka fi kwalunkwe ħin tal-partita kontra Inter.

Wara li kisbu tripletta domestika fl-istaġun 2015-16 u rebħu l-Coppa Italia erba’ darbiet konsekuttivi mill-2015-2018, Juventus mhumiex barranin għall-glorja domestika tant li qed jitqegħdu bħala favoriti li joħorġu rebbieħa.

Juventus issiġillaw post fiċ-Cham­pions League għall-istaġun li ġej, 2022/23, iżda għad iridu jiskopru mill-ġdid l-forma inkredibbli tagħhom tal-aħħar 10 snin li rathom jirbħu kull titlu tas-Serie A mill-2012-2020.

Huma se jkunu determinati li jieħdu xi ħaġa minn dan l-istaġun u rebħa tal-Coppa Italia tista’ tkun strumentali biex tagħtihom spinta tant meħtieġa biex jirritornaw għall-forma xintillanti tal-kampjonat li ka­paċi għaliha.

Nuqqas relattivament ta’ goals kien l-aktar tort għar-riżultati negattivi ta’ Juventus dan l-istaġun bit-team s’issa skorja 55 goal fis-Serie A – li huwa biss it-tmien l-aħjar rekord s’issa fid-diviżjoni.

Għalkemm Inter għadhom ma laħqux il-quċċata sensazzjonali tat-trijonf tal- kampjonat tal-istaġun li għadda, għadhom fit-taqtiegħa għat-titlu tas-Serie A u doppjetta domestika għar-raba’ darba fl-istorja tagħhom. 

Iżda meta jinsabu żewġ punti wara l-ġirien, Milan, huma jridu jirbħu ż-żewġ logħbiet li fadlilhom u Milan jitilfu waħda mit-tnejn tagħhom għax b’rebħa u draw ikun it-team ta’ Stefano Pioli li jieħu l-Iscudetto minħabba r-rekord ras imb’ras favur tagħhom meta spiċċaw draw 1-1 u rebħu l-konfront l-ieħor 2-1.

It-telfa riċenti 2-1 li Inter sofrew kontra Bologna ċertament naqqset iċ-ċansi­jiet tagħhom li jirbħu t-titlu tal-kampjonat sentejn wara xulxin, għalkemm Milan għand­hom l-aħħar żewġ logħbiet ferm iktar iebsa u f’dik li jmiss jiltaqgħu ma’ Atalanta li qed jitħabtu għal post fl-Europa League.

B’dan f’moħħhom, Inter m’hemmx dubju li llum se jkunu qed jilagħbu b’intensità u passjoni, sinonima mat-timijiet Taljani. Bħall-Arġentin Dybala, il-kompatrijott tie­għu Lautaro Martinez, li kellu staġun meraviljuż u magħruf għat-tenaċità tiegħu, għandu jkun ukoll fost l-iskorers.

Inter kienu rebbieħa fi tnejn mit-tliet laqgħat tagħhom ma’ Juventus dan l-istaġun, rebħu żewġ logħbiet b’goal wieħed, filwaqt li l-konfront l-ieħor intemm fi draw.

B’Inter jippossjiedu l-aqwa attakk fis-Serie A, jidher li nistgħu nkunu lesti għal ftit goals, biż-żewġ timijiet kapaċi jsibu x-xibka avversarja.

Sport