Thursday, May 2, 2024

Waterpolo: Sliema champions tax-xitwa wara l-għoti tal-penalties

Aqra wkoll

San Ġiljan………….14

Sliema……………….15

(2-4, 3-1, 4-3, 1-2) – (4-5)

Sliema huma ċ-champions tax-xitwa tal-waterpolo meta f’partita deċiżiva mill-isbaħ u ferm eċċitanti għelbu lil San Ġiljan bl-iskor ta’ 15-14 wara l-għoti tal-penalties hekk kif l-iskor sa tmiem il-ħin regolamentari kien dak ta’ 10-10.

Għas-Slimiżi spikka ferm il-captain Mark Meli li skorja erba’ goals, waqt li għall-Ġiljaniżi, l-aqwa skorer kien iż-żagħżugħ Nikolai Zammit li wkoll irreġistra poker personali.

Is-Slimiżi għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-logħba u rebħu l-ewwel sessjoni bl-iskor ta’ 4-2, bil-goals jaslu minn Zach Mizzi, Dino Zammit li kien qed jilgħab proprju kontra l-ex team tieghu, minn penalty, Liam Galea u Mark Meli minn man-up wara li tkeċċa Andreas Galea. Il-Ġiljaniżi sabu x-xibka permezz taż-żagħżugħ Jake Bonavia u Nikolai Zammit minn penalty.

Iżda s-Saints, mmexxija mill-caoch il-ġdid tagħhom il-Kroat Zeljko Kovacic, wettqu reazzjoni tajba u rebħu t-tieni sessjoni bl-iskor ta’ 3-1, bl-awturi tal-goals għalihom ikunu Nikolai Zammit, Darren Zammit u l-captain Matthew Zammit. Dino Zammit minn man-up, wara li tkeċċa Matthew Zammit ,skorja l-goal waħdani għas-Slimiżi.

Il-Ġiljaniżi rebħu wkoll it-tielet sessjoni din id-darba b’marġni ta’ goal jiġifieri b’punteġġ ta’ 4-3, fejn għalihom irnexxielhom iniżżlu isimhom fuq il-lista tal-iskorers Jake Bonavia, Nikolai Zammit, Andreas Galea minn man-up wara li tkeċċa Liam Galea u Nicholas Bugelli. Liam Galea, Benji Cachia u Jerome Gabarretta rrispondew għall-Blues immexxija mill-coach Spanjol, Beto Fernandez.

Sliema rebħu l-aħħar sessjoni b’punteġġ ta’ 2-1, b’Mark Meli jirreġistra doppjetta personali għalihom, bl-ewwel goal għalih jasal minn man-up wara li tkeċċa Andreas Galea. Ben Plumpton skorja l-goal uniku għall-Ġiljaniżi.

Il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties, bis-Slimiżi joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-4. Għalihom skorjaw Matthew Mifsud (2), Jerome Gabarretta, Benji Cachia u Mark Meli. Dan filwaqt li Nikolai Zammit, iż-żagħżugh Mattias Ortoleva, Peter Borg u Matthew Zammit sabu x-xibka għall-Ġiljaniżi.

San Ġiljan: 1-Jake Tanti, 2-Peter Borg (1), 3-Andreas Galea (1), 4-Nico Schiavone, 5-Russell Caruana, 6-Matthew Zammit (2), 7-Mattias Ortoleva (1), 8-Daniel Tully, 9-Jake Bonavia (2), 10-Nikolai Zammit (4), 11-Darren Zammit (1), 12-Nicholas Bugelli (1), 13-Gareth Vassallo, 14-Ben Plumpton (1) Coach: Zeljko Kovacic

Sliema: 1-Nicky Grixti, 2-Jerome Gabarretta (2), 3-Liam Galea (2), 4-Daniel Rizzo, 5-Mark Meli (4), 6-Benji Cachia (2), 7-Jayden Cutajar, 8-Matthew Mifsud (2), 9-John Brownrigg, 10-Kieyan Borg, 11-Zach Mizzi (1), 12-Dino Zammit (2), 13-André Theuma Coach: Beto Fernandez

Referees: Peter Balzan, Stefan Licari

Sport