L-ewwel unur Ewropew għal dan l-istaġun se jintrebaħ propjru fil-belt kapitali tal-Polonja, Varsavja, hekk kif ir-rebbieħa tal-UEFA Champions League, Real Madrid, jaffrontaw lil Atalanta li rebħu l-UEFA Europa League.
Los Blancos rebħu l-aqwa unur Ewropew għall-15-il darba meta fil-finali, li ntlagħbet f’Wembley Stadium, għelbu lil Borussia Dortmund bl-iskor ta’ 2-0, b’goals ta’ Dani Carvajal u Vinicius Junior fl-aħħar kwarta.
Huma se jibdew staġun ġdid bin-nuqqas ta’ Toni Kroos u Nacho Fernandez li ħallew lit-team hekk kif il-midfielder Ġermaniż ħabbar li rtira mil-logħba filwaqt li d-difensur Spanjol mar jilgħab fis-Saudi Pro League ma’ Al Qadsiah.
Iżda minkejja kollox, il-Madrileni għamlu l-akbar akkwist ta’ dan is-suq tat-trasferimenti meta ffirmaw lill-attakkant internazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe, wara li ntemmlu l-kuntratt ma’ Paris St-Germain.
Bla dubju, it-team immexxi mill-coach Taljan, Carlo Ancelotti, mistenni jkollu l-aqwa attakk fl-Ewropa kollha!
B’kuntrast, Atalanta rnexxielhom jirbħu l-ewwel unur maġġuri fl-Ewropa wara 61 sena ta’ storja.
Fil-finali, li ntlagħbet fl-Aviva Stadium, f’Dublin, l-Irlanda, il-Bergamaschi ġabu fix-xejn lil Bayern Leverkusen li kienu ġejjin mis-suċċess tal-ewwel rebħ tal-Bundesliga fl-istorja tal-club.
Atalanta ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-0, bl-eroj ikun l-attakkant internazzjonali Niġerjan, Ademola Lookman, li kien awtur ta’ trippletta.
Il-preparazzjoni għal din il-partita ma tantx kienet waħda pożittiva għat-team Taljan hekk kif wara draw ta’ 2-2 kontra AZ Alkmaar, waslu telfiet meqjusa bħala pjuttost kbar ta’ 4-1 kontra Parma u kontra St Pauli 3-0.
Huma jittamaw li jipproduċu wirja aħjar kontra team li hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa fl-Ewropa jekk mhux fid-dinja.
Ancelotti se jkollu l-players kollha għad-dispożizzjoni tiegħu tant li Jude Bellingham u Dani Carvajal se jkunu inklużi mingħajr ma wieħed jinsa lil Vinicius Junior.
Il-coach ta’ Atalanta, Giampiero Gasperini, se jkun qed jinkludi lill-attakkant il-ġdid Italo-Arġentin, Mateo Retegui, li għadhom kemm ħadu mingħand Genoa.
Huma ħadu wkoll lil Nicolo Zaniolo u lil Ibrahim Sulemana li flimkien mal-player li spikka fl-istaġun li għadda, Charles De Ketelaere għandhom ikunu ta’ theddida għad-difiża Madrilena.
Atalanta se jkollhom nieqes lil Giorgio Scalvini li jinsab imweġġa’ u beda perjodu ta’ rijabilitazzjoni. Gasperini mistenni jibda b’formazzjoni kawta minħabba l-attakk ferm perikoluż tal-avversarji.
Il-logħba se tintlagħab fil-Kazimierz Gorski Stadium, li huwa wkoll l-istadium nazzjonali tal-pajjiż. Dan ilu mibni mill-2012 u jesa’ madwar 56,000 spettatur.
Il-partita tibda fid-9.00 pm.