Monday, December 23, 2024

ILMENTI ĠENWINI

Aqra wkoll

Għal min jinsab fit-tmexxija hi dejjem problema kif għandhom jitqiesu l-ilmenti li jinqalgħu. Huma minnhom jew invenzjoni biex xi ħadd jara kif jiggwadanja xi ħaġa minħabba r-rebus li jista’ jinqala’? Jekk tassew teżisti problema, qed tkun ikkawżata minn tħaddim mhux korrett tal-liġijiet u r-regolamenti? Jew minn applikazzjoni inġusta tagħhom? Jew qamet għax iċ-ċittadin involut fil-kwistjoni għamel żball, kiser xi regolament jew liġi u jrid li l-biċċa tinħafirlu? Jew il-problema hi li regolament jolqot ħażin lil dak li jkun u jippretendi li m’għandux japplika għalih? Jew tassew il-liġi jew regolament mhuwiex ġust jew għadu bbażat fuq premessi skaduti?

Deċiżjoni dwar dan kollu mhux dejjem tkun sempliċi. Aktar u aktar għax ta’
spiss, kwlunkwe deċiżjoni tista’ toħloq preċedent. Fis-soċjetà klijentelistika tagħna, kull ilment irranġat, b’mod korrett jew le, se jiġġenera talbiet ġodda. Kull ilment miċħud jew injorat, anke jekk b’kull raġun, x’aktarx iġib miegħu dannu politiku, żgħir jew kbir.

GĦAŻLIET IEBSA

L-għażliet quddiem il-ministri tal-ekonomija u l-finanzi Ewropej mhumiex faċli. L-inflazzjoni mhix se tintemm fi żmien qasir, kif kien isostni l-Bank Ċentrali Ewropew. Diffiċli tipprevedi kemm se tibqa’ qawwija: fil-livell għoli ta’ issa? aktar? anqas?

Fl-istess ħin, il-ministri qed jaraw riċessjoni riesqa, b’numru qawwi ta’ impriżi, l-aktar iż-żgħar u ta’ daqs mezzani jaffaċċjaw diffikultajiet kbar tant li jekk jibqgħu
sejrin hekk, se jfallu. Iridu jgħinuhom.

Minħabba l-għoli tal-prezzijiet, l-aktar ikel u fjuwil, miljuni ta’ familji qed jispiċċaw b’daharhom mal-ħajt. Il-gvernijiet jaqblu li għandhom jgħinuhom, jew billi jagħmlu sarima fuq il-prezzijiet jew billi jagħtu sussidji diretti liċ-ċittadini. Dwar it-tieni alternattiva, iridu jieħdu d-deċiżjoni politikament iebsa għandhomx jissusidjaw lil kulħadd jew lil dawk bi dħul baxx.

L-għażliet kollha jfissru żidiet qawwija fl-ispiża tal-gvern. Se jkollhom iżidu t-taxxi?

“FEEL GOOD”

Semmejt dal-punt kemm-il darba hawnhekk. Il-lingwaġġ politiku tal-lum, f’Malta u barra minnha, jippernja l-aktar fuq li joħloq sentiment ta’ benessri (“feel good”) fost iċ-ċittadini. F’Malta, Dr Fenech Adami kien daħħlu l-ewwel bħala strateġija ta’ gvern.

Segwewha l-gvernijiet ta’ warajh, ġeneralment fuq l-għajta ta’ għada żgur se jkun dejjem aħjar mil-lum. Fir-Renju Unit kien bdiha Tony Blair.

Mal-Ewropa, din l-istrateġija ta’ kumnikazzjoni politika qalgħet daqqa kbira bil-kriżi tal-2008-2012. Reġgħet irpiljat. Il-linwaġġ politiku tal-“feel good” għadu
predominanti għall-gvernijiet u l-partiti li jaspiraw għat-tmexxija.

Il-problema tqum meta jinqala’ l-għawġ għax mhuwiex lingwaġġ addattat biex
jispira s-sagrifiċċji komuni. Il-ħtieġa tqum li dil-problema ma titħalliex tiġġenera paraliżi quddiem deċiżjonijiet iebsa li jkunu jridu jittieħdu b’mod urġenti.

Ekonomija

Sport