Sunday, December 22, 2024

Imfakkar il-Poeta Gorġ Pisani

Aqra wkoll

Fis-Sala Monsinjur Giuseppe Farrugia fi ħdan iċ-Ċentru Parrokkjali tal-Bażilika ta’ San Gorġ Victoria, nhar il-Gimgħa fil-għaxija, 10 ta’ Mejju, l-Akkademja tal-Malti fakkret lill-Poeta Għawdxi Gorġ Pisani fl-okkażjoni tal-25 sena minn mewtu bl-għajnuna tant siewja tal-Poeta Għawdxi Charles Bezzina li kien fost għadd ta’ qarrejja li qraw diversi xogħlijiet tal-poeta.

Il-Lejla Mużiko-Letterarja fetħet b’kelmtejn ta’ Merħba minn Dr George Farrugia, President tal-Akkademja tal-Malti u warajh għamel diskors qasir l-Arċipriet tal-Parroċċa Mons Joseph Curmi. Kien imiss imbagħad għal ħin li matulu diversi qarrejja fosthom kittieba u għalliema tal-Malti qraw xi siltiet mill-proża u l-Poeżija li ħarġu mill-pinna ta’ dan il-kittieb Għawdxi li tant ħabb lill-Ilsien Malti u ħareġ għonqu għalih meta dan kien imkasbar u mogħti l-ġenb.

Ħadet sehem ukoll il-kantanta Għawdxija mill-Qala Ruth Portelli li kantat xi għanjiet bil-malti akkumpanjata fuq il-pjanu minn Jennifer Grech. Lejn tmiem is-serata li għaliha attendew numru sabiħ ta’ Għawdxin u anke xi maltin, għamel diskors ta’ radd il-ħajr iben il-Poeta, in-Nutar Paul G. Pisani u l-okkażjoni ta’ tifkira għalqet b’video dwar il-Poeta, xogħol is-Sur Alvin Scicluna.

Ekonomija

Sport