Wednesday, July 24, 2024

Il-PE b’enfasi fuq l-importanza tal-votazzjoni u l-ħarsien tad-demokrazija

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-jiem li għaddew, il-Parlament Ewropew nieda t-tieni fażi tal-kampanja ta’ komunikazzjoni tiegħu fejn saħaq fuq l-importanza li wieħed joħroġ jivvota fl-elezzjonijiet Ewropej u l-ħarsien tad-demokrazija.

Bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju, aktar minn 370 miljun persuna f’27 Stat Membru se jissejħu biex jivvutaw f’dawn l-elezzjonijiet. Din it-tieni fażi tal-kampanja qiegħda tisħaq fuq l-importanza tad-demokrazija permezz tas-slogan “Uża l-vot tiegħek. Inkella ħaddieħor se jiddeċiedi għalik.”

Dwar dan u aktar tkellimna ma’ Anna Zammit Vella, Press Officer fi ħdan l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta. Hija qalet li bħala PE, u anke bħala istituzzjoni, qegħdin iqajmu kuxjenza li “l-vot tiegħek huwa dritt tiegħek”. Dritt li l-ġenerazzjonijiet ta’ qabilna ġġieldu għalih, u għalhekk għandna neżerċitaw dan id-dritt.

“Jekk għandek xi ħaġa li ma tiħux ħsiebha, titlifha. Il-vot huwa l-mezz tagħna li nieħdu ħsieb id-demokrazija,” qalet Zammit Vella li rreferiet ukoll għall-kisbiet li saru fl-Ewropa li qed jagħmlu impatt fil-ħajja taċ-ċittadini. Ġabet bħala eżempju l-aċċess għal sptar meta tkun barra minn Malta u l-fatt li għandna drittijiet ugwali ndaqs.

“Hija Unjoni li bnejna pass pass. Unjoni li baqgħet dejjem tikber u tissaħħaħ. Qegħdin f’mument fejn l-affarijiet jistgħu jmorru f’ħafna direzzjonijiet differenti u aħna bħala ċittadini qegħdin fis-siġġu tax-xufier. Aħna se niddeterminaw id-direzzjoni fejn se morru,” qalet Zammit Vella.

Qalet ukoll li fl-aħħar leġiżlatura, il-ħidma tal-PE baqgħet għaddejja minkejja l-pandemija fejn twettaq xogħol kważi daqskemm sar fil-leġiżlatura ta’ qabel f’termini ta’ liġijiet.  “Anke bis-saħħa tal-UE li tefgħet il-flus u r-riżorsi tagħha għar-riċerka u l-vaċċin. Apparti hekk, kellna u għad għandna wkoll il-kriżi tal-Ukrajna fuq l-għatba tal-Ewropa.”

Fl-isfond ta’ dan kollu, kompliet tgħid Zammit Vella, jeħtieġ li nipparteċipaw fl-elezzjonijiet tal-PE. Hawn enfasizzat kif fost l-isforzi biex jasal dan il-messaġġ liċ-ċittadini, ittella’ filmat ta’ erba’ minuti li jinkludi xhieda ta’ ċittadini anzjani minn pajjiżi differenti tal-UE li jirrakkontaw l-istejjer tagħhom dwar id-demokrazija lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom u jisħqu li dan id-dritt demokratiku ma jistax jitqies bħala fatta.

Dwar il-leġiżlatura li ġejja, Zammit Vella qalet li “l-elezzjonijiet Ewropej f’Malta u fl-Istati Membri l-oħra tal-UE se jiddeterminaw il-Parlament Ewropew il-ġdid u f’liema direzzjoni ser jaħdem. Il-legiżlatura li jmiss wara l-elezzjonijiet se taħdem ukoll fuq liġijiet li ma tlestewx f’din il-legiżlatura imma li diġa’ sar ammont ta’ xogħol fuqhom u fejn il-pożizzjoni tal-Parlament fuq abbozz ta’ liġi ġiet ivvutata fil-plenarja. Il-Parlament li jmiss se jkompli jaħdem fuq il-bażi tal-pożizzjoni adottata diġa’. Eżempju wieħed huwa dwar il-ħela tal-ikel u l-materjal tal-ħwejjeġ u ż-żraben: 60 miljun tunnellata ta’ skart tal-ikel u 12.6 miljun tunnellata ta’ skart tat-tessuti huma ġġenerati kull sena fl-UE.

“Il-Parlament irid li sal-31 ta’ Diċembru 2030 jintlaħqu miri ogħla għat-tnaqqis ta’ dan l-iskart: mill-inqas 20%  inqas ħela fl-ipproċessar u l-manifattura tal-ikel fil-livell nazzjonali. Dwar it-tessuti,  il-produturi li jbigħu t-tessuti fl-UE jkollhom ikopru l-ispejjeż għall-ġbir, l-issortjar u r-riċiklaġġ tagħhom separatament. Ir-regoli l-ġodda għandhom ikopru prodotti bħal ħwejjeġ u aċċessorji, kutri, bjankerija tas-sodda, purtieri, kpiepel, saqqijiet u twapet, inklużi prodotti li fihom materjali relatati mat-tessuti bħall-ġilda, il-gomma jew il-plastik.

“Din waħda mil-liġijiet Ewropej fejn il-Parlament attwali qed jindika d-direzzjoni għall-Parlament li jmiss b’mod legalment validu. Eżempji ohra jinkludu l-ġlieda kontra l-pagamenti tard, ir-reviżjoni tas-servizzi ta’ pagament, is-sustanzi niġġiesa fl-ilma, it- tekniki ġenomiċi ġodda, u s-sikurezza tal-ġugarelli fost oħrajn”.

“Kif se tahdem l-Unjoni Ewropea fuq liġijiet oħra u politiki fil-ħames snin li ġejjin ikun determinat mill-Kummissjoni l-ġdida, mill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE fil-Kunsill, u mill-Parlament li se neleġġu f’Gunju, u għalhekk huwa importanti li nivvutaw.”

Ekonomija

Sport