Saturday, December 21, 2024

IMFAKKRA L-VITTMI TAT-TERRORIŻMU 

Aqra wkoll

Proprju llum qed jiġi ċċelebrat il-jum internazzjonali li fih jitfakkru l-vittmi ta’ kull forma ta’ terroriżmu. Dawn huma atti li minnhom infushom ixerrdu firxa wiesgħa ta’ ideoloġiji ta’ mibegħda bl-iskop li jinġurjaw, iweġġgħu jew saħansitra jinqatlu eluf ta’ persuni innoċenti kull sena. 

Minkejja l-kundanni internazzjonali għat-terroriżmu, il-vittmi u dawk li jirnexxielhom isalvaw minn dawn l-atti, spiss isibuha diffiċli illi jkollhom il-vuċi tagħhom mismugħa u anke jingħataw l-appoġġ li għandhom bżonn. 

F’dan l-isfond, in-Nazzjonijiet Uniti qiegħda tipprovdi għajnuna teknika lill-istati membri kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet li jaħdmu sabiex jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tal-vittmi tat-terroriżmu. 

Fuq kollox, l-għajnuna tknika għandha rwol importanti li tgħin lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-istrateġija globali tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Terroriżmu u fl-istess ħin ikun provdut l-appoġġ u s-sostenn meħtieġ lill-vittmi. 

Għalhekk, f’dan il-jum huwa tajjeb li niftakru minn liema kalvarju u tbatija jkollhom jgħaddu dawn il-persuni filwaqt li ma’ dawn il-vittmi jbatu wkoll il-familjari u anke dawk qrib tagħhom. Ma rridux ninsew li ħafna vittmi tat-terroriżmu jkunu nies innoċenti li jsibu ruħhom fil-post u l-ħin il-ħażin u jispiċċaw maqtula jew midruba f’attakki brutali. 

Irridu għalhekk nibqgħu naħdmu sabiex indaħħlu kultura ta’ paċi li twarrab għalkollox il-mibegħda u jonqsu t-telf ta’ ħajjiet. Minkejja dan, sfortunatament xorta sal-lum għadna naraw xeni orribbli madwar id-dinja ta’ gwerer u kunflitti li qed iwasslu għal ġenoidji u jħallu warajhom mijiet ta’ eluf ta’ vittmi innoċenti mejta, li jinkludu anke nisa u tfal. L-appelli għall-waqfien permanenti mill-ġlied ma naqsux imma dawn s’issa baqgħu biss appelli. 

Malta qiegħda tkompli timbotta f’din id-direzzjoni biex tinstab soluzzjoni dejjiema b’mod partikolari f’dak li qed jiġri f’Gaża sabiex eventwalment terġa’ tirrenja l-paċi. 

Għalhekk f’dan il-jum jeħtieġ li jitqajjem aktar għarfien dwar l-impatt li t-terroriżmu jħalli fuq il-vittmi u billi nfakkru l-memorja ta’ dawk li tilfu ħajjithom f’dawn iċ-ċirkostanzi. Huwa tajjeb ukoll li nisimgħu l-esperjenzi mingħand dawn in-nies filwaqt li naġixxu llum qabel għada biex ma jkomplux jintilfu aktar ħajjiet. 

Ekonomija

Sport