Wednesday, November 11, 2026
Home Fehmietna L-ISTAT LI JINSAB FIH IL-PN

L-ISTAT LI JINSAB FIH IL-PN

0
47
Screenshot

Il-Partit Nazzjonalista għadu qed jissielet ma’ sfidi serji biex jimbotta ’l quddiem politika li twasslu jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin. F’mument fejn il-pajjiż qed jaħdem u jistinka biex ikollu viżjoni ċara, tmexxija soda u proposti konkreti, il-PN għad irid juri li kapaċi joffri alternattiva kredibbli għall-Gvern.

Id-diskors ta’ Alex Borg dwar il-Budget kien opportunità importanti biex il-Partit Nazzjonalista jippreżenta l-ideat tiegħu dwar il-futur tal-pajjiż. Madankollu, diskors politiku waħdu u mimli retorika mhux biżżejjed, għax ma jwassal imkien. Il-poplu, bir-raġun kollu, jistenna aktar minn kritika u proposti fl-ajru. Bir-raġun ukoll jistaqsi biex ikun jaf kif dawn il-proposti se jitwettqu, kemm se jiswew u, fuq kollox, kif se jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tal-familji u n-negozji Maltin.

Il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn juri aktar konsistenza, aktar serjetà u kredibbiltà akbar. Mhux biżżejjed li jgħid le jew jikkritika kull deċiżjoni tal-Gvern mingħajr ma jippreżenta pjan realistiku u sostenibbli għall-isfidi li qed jiffaċċja pajjiżna, f’dinja li qed titqalleb u tinbidel kważi kuljum.

Malta teħtieġ tmexxija soda li tħares ’il quddiem, li tkompli tinvesti fl-infrastruttura ta’ diversi oqsma kruċjali bħalma huma l-edukazzjoni, is-saħħa, l-infrastruttura fiżika, l-ambjent u l-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Malta teħtieġ ukoll stabbiltà ekonomika u deċiżjonijiet responsabbli li jkomplu joħolqu opportunitajiet ta’ mobilità ’l fuq ekonomika u soċjali għal kulħadd.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista għad fadallu ħafna x’jagħmel u jomgħod biex jikkonvinċi lill-elettorat li huwa lest biex imexxi lil pajjiżna anki f’mumenti ta’ saram ekonomiku u politiku dinji. Sakemm ma jippreżentax direzzjoni ċara, tim magħqud u programm serju li jista’ jitwettaq, jibqa’ diffiċli li jitqies bħala partit ta’ gvern alternattiv li kapaċi joffri tmexxija aħjar minn dik tal-lum.

Fl-aħħar mill-aħħar, il-poplu ma jridx biss kritika. Irid soluzzjonijiet, viżjoni u kapaċità li jmexxi. U f’dan ir-rigward, il-PN għad irid jagħmel ħafna u ħafna aktar.

Irid jitgħallem ukoll li mhux dejjem jgħid le imma li jirrikonoxxi t-tajjeb li sar u lest li jkompli jibni fuqu jekk u meta jingħata ċ-ċans li jmexxi lil dan il-pajjiż. B’hekk biss il-PN ikun jista’ mbagħad idur fuq il-poplu u jitolbu l-fiduċja tiegħu biex imexxi lil dan pajjiżna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here