Raġel ta’ 32 sena, Marshall Leese, seraq ambulanza minn żona ta’ emerġenza barra l-Isptar Universitarju Royal Stoke, f’Stoke-on-Trent, u saq biha b’mod perikoluż għal aktar minn 20 minuta, inkluż billi qabeż diversi dwal ħomor.
Filmati xokkanti li ntwerew fil-Qorti tal-Kuruna ta’ Stoke-on-Trent juru kif Leese daħal fl-ambulanza, li fiha kien hemm pazjent anzjan qed jirċievi kura medika, u telaq biha mingħajr permess.
Paramediku li kien abbord l-ambulanza spiċċa f’paniku kbir. Skont il-prosekutur Robert Holt, il-paramediku kien konvint li kollega tiegħu, li kellu ċ-ċwievet tal-vettura, kien reġa’ lura fis-sedil tax-xufier. Madankollu, meta l-ambulanza bdiet tinsaq, induna li kien hemm persuna oħra qed issuqha.
Il-paramediku għajjat lil Leese biex jieqaf, filwaqt li wissieh li kien hemm pazjenti fuq wara tal-vettura. Minkejja t-talbiet ripetuti, Leese ma weġibx u ma għamel l-ebda tentattiv biex iwaqqaf l-ambulanza.
Il-qorti semgħet ukoll li ftit mumenti qabel dan l-inċident, il-paramediċi kienu keċċew lil Leese mis-sedil tax-xufier ta’ ambulanza oħra. Huwa kien qed jesperjenza delużjonijiet ikkawżati mid-droga magħrufa bħala ‘monkey dust’.
Il-filmati juru wkoll lil Leese jipprova jinħeba mill-pulizija wara li waqqaf l-ambulanza fi stazzjon tal-petrol f’Chesterton, Newcastle-under-Lyme.
L-inċident fil-25 ta’ Marzu tard filgħaxija. Dak il-ħin, fuq wara tal-ambulanza kien hemm raġel ta’ aktar minn 80 sena, li kien qed jingħata kura għal ġrieħi f’rasu…
Il-prosekutur spjega li, għalkemm il-veloċità tal-ambulanza ma kinitx partikolarment għolja, il-fatt li Leese qabeż id-dwal ħomor żied ir-riskju għall-pazjent, għall-paramediċi u għal sewwieqa oħrajn.




