Tuesday, November 10, 2026
Home Fehmietna L-investiment fil-prevenzjoni u l-kura tad-dijabete

L-investiment fil-prevenzjoni u l-kura tad-dijabete

0
57

Fil-jiem li ġejjin, madwar id-dinja se jkun qed jiġi mfakkar il-Jum Dinji tad-Dijabete. Dan il-jum dinji, stabbilit min-Nazzjonijiet Uniti, għandu jservina ta’ opportunità biex għal mument, nieqfu u nirriflettu dwar din il-kundizzjoni u, fuq kollox, dwar x’qed isir f’pajjiżna biex dawk affettwati minnha jingħataw l-aħjar kura u appoġġ possibbli.

Kien hemm drabi meta d-dijabete kienet meqjusa bħala l-marda nazzjonali tagħna l-Maltin. Fil-fatt, huwa stmat li ftit aktar minn 10% tal-popolazzjoni f’Malta huma morda bid-dijabete. Din hija kundizzjoni li taffettwa l-mod kif il-ġisem jutilizza z-zokkor li nieħdu mill-ikel u mix-xorb u li jgħaddi fid-demm. Din hija realtà li titlob aktar għarfien, prevenzjoni u attenzjoni kontinwa, kemm mill-individwi, milquta u mhumiex, kif ukoll mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Mhux darba jew tnejn li minn dawn il-kolonni tkellimna dwar l-importanza li wieħed jadotta stil ta’ ħajja li tbiegħdu mid-dijabete, permezz ta’ attivitajiet fiżiċi regolari u dieta bilanċjata b’ikel nutrittiv li jgħin biex jikkontrolla ż-żokkor fid-demm. L-eżerċizzju fiżiku, flimkien ma’ drawwiet tajbin ta’ ikel, għandu rwol kruċjali fil-prevenzjoni ta’ ċerti kundizzjonijiet mediċi u fil-ħarsien tas-saħħa b’mod ġenerali.

Aħna xxurtjati li ngħixu fuq gżira fir-reġjun tal-Mediterran fejn l-ikel mediterranju bbażat fuq il-ħut huwa magħruf li huwa tarka kontra d-dijabete u mard ieħor. Għalhekk ikun jaqblilna ferm li nibbażaw id-dieta tagħna fuq dan il-fatt.

Daqstant ieħor huwa importanti li nirrikonoxxu l-ħidma li qed issir biex jitjiebu s-servizzi offruti lill-persuni bid-dijabete. Iżda mhux biss. Kif indikat fil-manifest elettorali Laburista Int Malta, se tkompli tingħata prijorità lill-prevenzjoni billi aktar persuni jkollhom l-opportunità li jagħmlu screening għal kundizzjonijiet bħal dawn, b’ħidma ma’ entitajiet differenti, inkluż mal-Kunsilli Lokali. 

Dan kollu juri l-ħtieġa li jitkompla l-investiment f’servizzi tas-saħħa li jagħmlu differenza tanġibbli fil-ħajja ta’ dawk li jgħixu b’din il-kundizzjonii. Ikun jaqbel ukoll li titkompla l-kollaborazzjoni bejn il-pazjent, il-professjonist tas-saħħa u l-awtoritajiet, sabiex jissaħħaħ il-monitoraġġ, tittejjeb il-kura u jiġu studjati soluzzjonijiet innovattivi għall-kontroll tad-dijabete.

Fl-aħħar mill-aħħar, id-dijabete titlob attenzjoni kontinwa u impenn kollettiv. Għalhekk, pajjiżna għandu jkompli jagħti prijorità lil dawk li jgħixu b’din il-kundizzjoni, billi jiġi żgurat li dawn jkollhom aċċess għal dawk l-għodod kollha sabiex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u aktar ta’ kwalità.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here