IMĠIBA MHUX XIERQA M’GĦANDHIEX POST F’PAJJIŻNA

Aqra wkoll

It-turiżmu huwa bżonjuż. Imma mhux biss. Anzi huwa wieħed min-nifsijiet essenzjali għall-ħajja ekonomika ta’ pajjiżna. It-turiżmu f’dawn l-aħħar snin irreġistra rekord sena fuq sena f’dawk li huma wasliet u qed iħalli introjtu tajjeb għal diversi setturi tal-ekonomija. Ma jfissirx iżda li għandna nkunu kuntenti b’dan biss għaliex il-progress fl-għadd ta’ turisti li ġew pajjiżna, xi drabi ħolqilna wkoll sfidi u anke problemi. 

Eżempju ta’ dan kien l-inċident li seħħ dan l-aħħar fis-Swieqi fejn grupp ta’ turisti żgħażagħ barranin ħolqu storbju u saħansitra f’xi waqtiet kienu anke vjolenti billi tefgħu xi fliexken mill-gallariji ta’ fejn kienu għal ġot-triq u ħolqu xi ftit tat-tensjoni u biża’ għar-residenti tal-madwar. Dan l-inċident segwa ieħor fejn kien involut tkissir ta’ ħġieġ u bibien fi blokka t’appartamenti. 

Inċidenti bħal dawn iġibu stmerrija għaliex bħala poplu aħna nippretendu li min jiġi jara s-sbuħija ta’ pajjiżna għandu joqgħod għad-dixxiplina tar-regolamenti u l-mod ta’ ħajja li ngħixu f’pajjiżna. Ma jista’ ħadd jagħmel dak li jrid u jfettilu għax mingħalih li pajjiżna m’hemmx miżuri ta’ detterent. 

Hawnhekk tikber ir-responsabbiltà ta’ dawk afdati bil-ħarsien u s-sigurtà tan-nies, jiġifieri l-uffiċjali tal-pulizija. Filwaqt li aħna napprezzaw il-ħidma ta’ kull membru tal-Korp tal-Pulizija, ma nistgħux imma mbagħad ix-xogħol tajjeb li dawn ikunu wettqu meta jarrestaw lin-nies, jiddgħajjef b’deċiżjonijiet ta’ ċertu awtoritajiet ġudizzjarji oħra. 

Għalkemm dawn l-awtoritajiet jiddeċiedu skont il-liġijiet u r-regolamenti effettivi f’pajjiżna, b’danakollu r-rappreżentanti tal-poplu Malti eletti fil-Parlament għandhom minn żmien għal żmien jaraw illi l-liġijiet ta’ deterrent jiġu aġġornati għas-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu. 

Ninnutaw b’sodisfazzjon li l-Pulizija fil-każ riċenti tas-Swieqi reġgħet ħadet azzjoni immedjata u grazzi għall-ħidma li wettqet, mhux biss waqqfet l-istorbju li kien qed isir imma wkoll wasslet biex 12-il żagħżugħ jiġu mmultati fuq il-post għall-azzjonijiet tagħhom, skont il-miżura li l-Gvern introduċa f’dawn l-aħħar jiem.

Għalhekk filwaqt li nifhmu li x-xogħol tal-Pulizija mhuwiex wieħed faċli, irridu napprezzaw li l-investiment fil-Korp kemm fl-aspett uman, kif ukoll f’dawk li huma faċilitajiet għat-twettiq ta’ dmirijiethom, għandhom ikomplu jingħataw biex finalment il-poplu tagħna jkollu aktar serħan il-moħħ għas-sigurtà tiegħu kemm f’daru u anke fit-toroq. 

Nifhmu, illi jekk mhux diġà hemm, għandhom jinħolqu mekkaniżmi ta’ deterrent biex dawk li xi darba jkunu wettqu xi illegalità waqt li jkunu f’Malta, anke għal reati minuri, jekk jitħajru jerġgħu jiġu l-awtoritajiet ikunu jafu mill-ewwel bihom. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport