Il-Pulizija qiegħda tinvestiga s-sejba ta’ żewġ persuni bla ħajja f’karozza li kienet ipparkjajta f’garaxx, fi Triq Salvu Buħagiar, Wied il-Għajn.
Kienu għall-ħabta tad-9:00 p.m., xħin il-Pulizija ġiet infurmata bil-każ u malli waslu fuq il-post innutaw raġel u mara mitlufin minn sensihom fil-vettura. Għaldaqstant, issejjaħ tim mediku, kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jassistu.
Sfortunatament, iż-żewġ persuni, identifikati bħala raġel ta’ 47 sena residenti Żabbar u mara ta’ 41 sena residenti San Pawl il-Baħar, kienu ċċertifikati mejta. Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Dr Monica Borg Galea LL.D, li ħatret diversi esperti sabiex
jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
Fil-ħin li ġej mistennija ssir awtopsja fuq il-kadavri taż-żewġ persuni sabiex tkun tista’ tiġi stabbilità l-kawża tal-mewt.
Filwaqt li s’issa qed ikun eskluż is-sehem ta’ terżi persuni l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għaddejjin.
