Il-jottijiet tar-Royal Malta Yacht Club ħadu l-ogħla premjijiet fis-66 edizzjoni tat-Turkish Airlines Malta to Syracuse Race, hekk kif waħda mill-akbar flotot ta’ dawn l-aħħar snin, 30 dgħajsa, 10 minnhom Maltin, affrontat ir-rotta ikonika ta’ 80 mil nawtiku.
It-tellieqa, organizzata flimkien kull sena mir-Royal Malta Yacht Club u mil-Lega Navale Italiana (Sezione di Siracusa), tibda alternattivament minn wieħed miż-żewġ portijiet ospitanti. Din is-sena it-tellieqa bdiet minn Malta. Il-pajjiż ospitanti kien irrappreżentat tajjeb, b’kontinġent b’saħħtu ta’ ekwipaġġi lokali jħejju ruħhom għall-bidu ’l barra minn Tas-Sliema.
Il-kundizzjonijiet ta’ riħ ħafif wasslu lill-Uffiċjal tat-Tellieqa Martin Azzopardi biex jipposponi l-bidu b’madwar għaxar minuti.
Malli ngħata l-bidu, Artie III ta’ Lee Satariano, Ton Ton Laferla ta’ Jonathan Gambin, Jubatus ta’ Sean Borg u Tres Amis ta’ Leonildo Sichel kienu fost dawk li mill-ewwel stabbilixxew ir-ritmu.
Hekk kif il-flotta resqet lejn Sirakuża, grupp b’saħħtu ta’ dgħajjes Maltin ħareġ fuq quddiem. Artie III mexxiet l-attakk, segwita mill-qrib minn grupp magħmul minn Jubatus, Ton Ton Laferla, Kixx Me ta’ Luis Azzopardi u Calypso ta’ Sebastian Ripard. Mill-flotta Sqallija, Tres Amis kienet l-aktar li spikkat, hekk kif baqgħet qrib id-dgħajjes Maltin.
Lil hinn mit-taqtigħa għall-line honours li jittiehed mill-ewwel jott li tispiċċa t-tellieqa, il-flotta kienet qed tikkompeti f’tlett klassijiet -IRC Racers, ORC Regata u ORC Gran Crociera Ir-rebbieħa f’kull kategorija ġew stabbiliti wara korrezzjoni tal-ħin.
Jubatus ta’ Sean Borg kisbet l-aqwa riżultat tat-tellieqa, hekk kif rebħet it-trofej overall kemm fil-kategorija IRC u ORC. Bir-riżultat miksub, Jubatus kitbet isimha fuq it-Trofew RMYC IRC kif ukoll l-Easy Perfection Trophy bħala rebbieħa tal-Klassi ORC.
“Wara r-rebħa fl-2024 u li tlifna l-edizzjoni tal-2025, konna ħerqana nirritornaw. Bidu impenjattiv kontra r-riħ ħalliena fit-tieni post mal-ewwel marka, iżda malli tellajna l-Code 0 u bdejna nbaħħru lejn Sqallija, it-tellieqa infetħet. Il-kundizzjonijiet komplew jitjiebu b’mod mill-isbaħ — sa Capo Passero kellna l-mewġ u riħ tajjeb, u konna nafu li s-siegħa finali setgħet twassalna għar-rebħa. Ftit manuvri poġġewna f’pożizzjoni tajba, u bqajna niġġieldu sal-aħħar għall-ewwel post.” — Sean Borg, Jubatus
Artie III ta’ Lee Satariano ħadet it-tieni post kemm fil-kategorija IRC kif ukoll f’dik ORC, u ngħatat ukoll it-Trofew RMYC bħala l-ewwel jot Malti. Ton Ton Laferla Insurance ta’ Jonathan Gambin spiċċat fit-tielet post, filwaqt li Inspiration ta’ Godwin Zammit kisbet it-tieni post fil-Klassi IRC Cruisers.
Premju speċjali, it-Trofew Giancarlo Patti, ingħata lil Olivia Ripard u Finn Calascione abbord Calypso bħala l-iżgħar parteċipanti, fl-eta ta’ seba snin, li spiċċaw it-tellieqa.
It-trofej ġew ippreżentati fil-Lega Navale Italiana (Sezione di Siracusa) il-Ħadd filgħaxija, fil-preżenza tal-Commodore tal-LNI, l-Inġ. Sebastiano Floridia, u tal-Commodore tar-RMYC, Mark Napier.
“Ir-rivalità amikevoli bejn iż-żewġ klabbs tagħna kompliet tissaħħaħ, u din is-sena ma kinitx differenti, kompetizzjoni akkanita fuq il-baħar, iżda element ta’ħbieberija waqt l-għoti tal-premjijiet. Naturalment, kburi ħafna bir-riżultati tal-Club f’din l-edizzjoni, u nixtieq nirringrazzja lil kull min ikkompeta taħt il-bandiera tagħna. Nixtieq ukoll nesprimi l-gratitudni tiegħi lejn Turkish Airlines għall-appoġġ kontinwu tagħha, kif ukoll lejn il-voluntiera tagħna —r-Rear Commodore (Sailing) Adrian Gauci Borda, u l-Uffiċjal tat-Tellieqa Martin Azzopardi u t-tim tiegħu Tania Bonnici u Neity Maddock.” — Mark Napier, Commodore, Royal Malta Yacht Club.
Wara waqfa qasira mit-tlielaq matul Awwissu, il-Club jirritorna bi programm impenjattiv għal Settembru. Bi sħubija ma’ Yachting Malta, se jorganizza l-Yachting Malta Race Week, li tiftaħ bit-tellieqa offshore minn Malta għal Licata fil-11 ta’ Settembru.
Bejn il-15 u s-17 ta’ Settembru, b’kollaborazzjoni mal-Vikings Sailing Club, il-Club se jorganizza Steering the Course — inizjattiva ta’ World Sailing immirata biex tintroduċi aktar nisa għall-isport tal-ibburdjar.
Ir-Race Week tintemm fi tmiem il-ġimgħa bejn id-19 u l-21 ta’ Settembru bil-Finductive National Dinghy Championships, li se jsiru taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation.
Programm tal-Yachting Malta Race Week
| Data | Avveniment | |
| 11 ta’ Settembru | Tellieqa Offshore minn Malta għal Licata — ftuħ tal-Yachting Malta Race Week | |
| 15–17 ta’ Settembru | Steering the Course — inizjattiva ta’ World Sailing għan-nisa | |
| 19–21 ta’ Settembru | Finductive National Dinghy Championships | |




