Għaxaq komplew isaħħu posthom fil-quċċata tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Bocci tal-Ewwel Diviżjoni wara li kisbu rebħa tajba ta’ 21-4 kontra Birkirkara fil-15-il ġurnata tal-kampjonat.
It-tim Għaxqi kompla juri livell għoli ta’ logħob u konsistenza, b’wirja dominanti li ppermettietlu jżomm il-mixja pożittiva tiegħu hekk kif il-kampjonat riesaq lejn il-fażi deċiżiva. Din ir-rebħa tkompli tagħti spinta lill-ambizzjonijiet ta’ Għaxaq biex jispiċċaw fuq quddiem u eventwalment jirbħu l-kampjonat.
Warajhom, Msida wkoll kisbu rebħa komda ta’ 21-3 fuq Bugibba, filwaqt li St. Peter’s Żabbar għelbu lil Żejtun bl-iskor ta’ 21-4 biex baqgħu jżommu l-pass mat-timijiet ta’ quddiem.
F’konfront ferm aktar bilanċjat, Żurrieq għelbu lil Żebbuġ 21-18 f’partita missielta sal-aħħar. Intant, Lija rebħu lil Santa Venera 21-8, filwaqt li San Ġwann kisbu rebħa barra minn darhom kontra Qormi San Bastjan bl-iskor ta’ 21-17.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT TAL-EWWEL DIVIŻJONI TAL-BOĊĊI
Għaxaq 14, Msida 12, St Peter’s Żabbar 11, Żurrieq, Żejtun 9, Lija 7, Birkirkara, San Ġwann 6, Santa Venera 5, Buġibba, Qormi San Bastjan 4, Żebbuġ 3.




