“L-investiment fil-ħiliet parti essenzjali mill-produttività”- il-Ministru Jonathan Attard

Aqra wkoll

F’suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr, l-investiment fil-ħiliet mhuwiex żieda fakultattiva. Huwa parti essenzjali mill-produttività, mill-mobbiltà professjonali u mill-kapaċità tagħna li nibqgħu kompetittivi. U meta nitkellmu dwar il-ħiliet għandna nagħrfu wkoll l-esperjenza li persuna tkun akkumulat matul is-snin. 

Iddikjara dan il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard f’diskors li għamel fil-Parlament waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi ta’ dħul u nfiq ta’ Jobsplus għas-sena finanzjarja 2026.

Fl-istess seduta, il-Ministru Attard ippreżenta wkoll ir-Rapport Annwali għas-sena 2025 tal-Jobsplus fejn qal li l-qafas li fih ħadmet din l-aġenzija matul is-sena li għaddiet huwa magħruf: Malta kompliet tesperjenza livell għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi u parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. 

Huwa nnota kif ir-rata ta’ qgħad f’Malta niżlet għal 2.7% fit-tielet kwart tal-2025, meta mqabbla mas-6% fil-medja tal-Unjoni Ewropea. Sostna li dan huwa riżultat li jirrifletti ekonomija li kompliet toħloq l-opportunitajiet. 

Il-Ministru Attard kompla jgħid li dan ir-rapport jiġbor fih rendikont ta’ kif Jobsplus kompliet tgħaqqad żewġ dmirijiet pubbliċi fundamentali. Li tgħin lill-persuni jidħlu, jibqgħu u javvanzaw fid-dinja tax-xogħol kif ukoll li tgħin lin-negozji jsibu lill-ħaddiema u l-ħiliet li jeħtieġu f’ambjent regolat, ġust u sostenibbli. 

Matul l-2025, saru madwar 18,000 appuntament personalizzat ma’ persuni li kienu qed ifittxu xogħol jew bidla fil-karriera, filwaqt li l-Job Centres ta’ Jobsplus f’Malta u Għawdex laqgħu aktar minn 27,000 żjara. Dan juri l-importanza ta’ servizzi li joffru gwida individwali u mhux biss pjattaformi diġitali. 

Wieħed mill-pilastri ewlenin kien l-investiment fiż-żgħażagħ. Il-Youth Guarantee reġgħet tnediet b’investiment ta’ €10 miljun biex tgħin liż-żgħażagħ ikomplu fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fl-impjieg. 

Jobsplus kompliet ukoll twessa’ l-portafoll tat-taħriġ tagħha. Fl-2025 ġew offruti 461 kors, li laħqu 5,875 persuna. 78% minn dawk li bdew il-korsijiet lestewhom b’suċċess. Il-korsijiet kienu jinkludu kompetenzi diġitali, tekniċi, ta’ saħħa u sigurtà kif ukoll korsijiet marbuta mal-kura, l-edukazzjoni bikrija, il-kostruzzjoni u oħrajn. 

Apparti hekk, il-Validation Assessment Centre fi ħdan Jobsplus kompla jagħti rikonoxximent formali lill-ħiliet miksuba mill-esperjenza. Dan irċieva 582 applikazzjoni unika, b’95% tal-valutazzjonijiet jitlestew b’suċċess. 

L-inklużjoni għandha tkun fil-qalba tal-politika tax-xogħol

Il-Ministru Attard qal ukoll li l-inklużjoni għandha tkun fil-qalba tal-politika tax-xogħol. Jobsplus kompliet taħdem ma’ persuni b’diżabilità, ma’ persuni b’diffikultajiet ta’ saħħa mentali, ma’ persuni li jifaċċjaw ostakli soċjali jew familjari u ma’ dawk li jeħtieġu aktar żmien u sostenn biex jagħmlu t-tranżizzjoni tagħhom lejn ix-xogħol. 

Tenna li parti oħra importanti mill-parteċipazzjoni hija l-appoġġ lill-ġenituri. L-iskema tal-Free Childcare għaddiet minn xogħol ta’ ristrutturar u titjib fil-governanza tagħha, sabiex tkun aktar aċċessibbli, ċara u reattiva.

Matul is-sena inwistjoni ġew irreġistrati madwar 3,500 benefiċjarju ġdid u ġiet sorveljata nefqa ta’ madwar €61 miljun. “L-għan huwa wieħed u prattiku u soċjali: li l-ġenituri irrispettivament mill-ġeneru, ikunu jistgħu jibqgħu parteċipanti attivi fis-suq tax-xogħol,” qal il-Ministru Attard. 

Jobsplus kompliet tgħin lin-nies jibnu futur tax-xogħol b’aktar ħiliet

Huwa temm jgħid li dan ir-rapport annwali juri kemm Jobplus kompliet tgħin lin-nies jibnu futur tax-xogħol b’aktar ħiliet, aktar opportunitajiet u aktar sigurtà.

Dan filwaqt li kompliet tappoġġa lin-negozji biex jikbru b’mod responsabbli; u kompliet taħdem sabiex il-progress ekonomiku jkun marbut mal-ġustizzja soċjali, mal-inklużjoni u mad-dinjità fuq il-post tax-xogħol.

 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport