Tuesday, May 12, 2026

Imħabbar servizz ta’ trasport ta’ emerġenza veterinarja minn Għawdex

Dan is-servizz se jkompli jsaħħaħ is-sistema nazzjonali ta’ kura veterinarja għall-annimali domestiċi żgħar

Aqra wkoll

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ is-servizzi veterinarji f’pajjiżna, b’mod partikolari dawk relatati ma’ annimali domestiċi żgħar, permezz tal-introduzzjoni ta’ servizz dedikat ta’ trasport ta’ emerġenza minn Għawdex għal Malta, biex jiġi żgurat aċċess sħiħ u effettiv għall-kura veterinarja f’kull ħin.

Dan il-pass jibni fuq it-tnedija reċenti tas-Servizz Nazzjonali ta’ Emerġenza Veterinarja, fejn diġà ġiet introdotta linja ta’ emerġenza li taħdem 24 siegħa kuljum, appoġġ lill-kliniki parteċipanti, kif ukoll klinika dedikata fil-Fgura li topera barra l-ħinijiet normali. Barra minn hekk, il-Gvern qed joffri wkoll rifużjoni fuq il-konsultazzjoni f’każijiet ġenwini ta’ emerġenza.

Minkejja dan il-progress, ġiet identifikata lakuna fir-rigward tal-aċċess għal dawn is-servizzi minn Għawdex, b’mod partikolari barra l-ħinijiet normali, il-Ħdud u l-festi pubbliċi. Din is-sitwazzjoni kienet qed toħloq diffikultajiet għal sidien ta’ annimali domestiċi żgħar li kellhom bżonn kura urġenti f’Malta. Għaldaqstant, il-Gvern qed idaħħal servizz ta’ trasport ta’ emerġenza li jaħdem fuq standby barra l-ħinijiet normali min post f’Għawdex. Dan joffri servizz lir-residenti Għawdxin u jippermetti mobilizzazzjoni effiċjenti sabiex l-annimali jiġu trasferiti lejn il-klinika f’Malta fil-ħin.

Dan ifisser li issa hemm sistema koordinata li tibda minn telefonata fuq il-helpline, għal gwida immedjata u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, segwita minn aċċess għall-klinika u trasport sigur u rapidu fejn meħtieġ mill-gżira Għawdxija

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo qal li dan l-iżvilupp juri kif il-Gvern qed jindirizza realtajiet konkreti b’soluzzjonijiet prattiċi. Huwa sostna li l-għan huwa li jiġi żgurat li l-ebda sid ta’ annimal domestiku żgħir ma jitħalla waħdu f’mumenti ta’ emerġenza, irrispettivament minn fejn jgħix. Huwa żied li dan is-servizz huwa essenzjali sabiex l-annimali jirċievu kura fil-ħin, li ħafna drabi tkun kruċjali.

Din l-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-prinċipju ta’ aċċess ugwali għas-servizzi pubbliċi, billi tassigura li ċittadini li jgħixu Għawdex ikollhom l-istess opportunitajiet ta’ kura bħal dawk f’Malta, f’kull ħin tal-ġurnata.

Il-Ministru Refalo temm jgħid li dan huwa eżempju ċar ta’ kif il-Gvern qed jinvesti mhux biss fl-infrastruttura, iżda wkoll fis-servizzi u fil-koordinazzjoni sabiex jinħolqu sistemi li tassew jaħdmu u jagħtu riżultati tanġibbli. Huwa saħaq li permezz ta’ dawn il-miżuri, il-Gvern qed jiżgura li l-kura veterinarja ta’ emerġenza tkun mhux biss disponibbli, iżda wkoll aċċessibbli.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport