Qormi Daikin spiċċaw fl-ewwel post tal-klassifika hekk kif saret edizzjoni oħra tal-Hockey 5s fil-Kumpless tal-Hockey f’Kordin.
Il-Qriema rebħu l-logħbiet tagħhom kontra White Hart 13-3 u 8-2 filwaqt li għelbu wkoll lil Floriana Young Stars 7-4 u 7-1.
F’aktar logħbiet, Floriana għelbu lil White Hart 2-0 b’dawn tal-aħħar jirbħu l-logħba tat-tieni round 4-2.
Dan hu t-tieni staġun konsekuttiv li qed jintlagħab dan it-turnew li sar ferm popolari. Fil-fatt matul l-istaġun li għadda l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Hockey xtrat apparat li bih ikun jista’ jintlagħab din il-logħba li hi verżjoni aktar dinamika u veloċi.


