Tuesday, May 12, 2026

‘Malta hija sabiħa, ospitabbli, u l-partitarji Juventus hawnhekk huma veri’ – Alessio Tacchinardi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Alessio Tacchinardi, eks midfielder ta’ Juventus u wieħed mill-aktar plejers magħrufa tal-era tad-disgħinijiet u l-bidu tas-snin 2000, reġa’ kien f’Malta bħala mistieden speċjali tal-Black & White Podcast, komunità dejjem tikber ta’ partitarji Juventini b’aktar minn 36,000 segwaċi. L-avveniment, li sar f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan, laqqa’ flimkien diversi partitarji u atmosfera mimlija passjoni għall-klabb Bianconero.

Għal Tacchinardi, Malta mhix post ġdid. “Mhux l-ewwel darba tiegħi hawn, u kull darba nħossni milqugħ ħafna. Malta hija sabiħa, ospitabbli, u l-partitarji Juventus hawnhekk huma veri,” qal hu waqt l-attività.

L-eks plejer Taljan, li rebaħ 17-il trofew ma’ Juventus u lagħab ukoll ma’ Atalanta, Villarreal CF u Brescia Calcio, għamel karriera twila fejn kien magħruf għax-xogħol tiegħu f’nofs il-grawnd, il-qari tal-logħba u d-determinazzjoni tiegħu.

Tacchinardi beda l-karriera tiegħu ma’ Atalanta, fejn malajr ġibed l-attenzjoni ta’

Juventus. Fl-1994, għamel il-pass kbir lejn Turin, fejn beda kapitlu li kien se jibdillu ħajtu kompletament.

“Meta ngħaqadt ma’ Juventus, fhimt immedjatament xi tfisser tilgħab għal dan il-klabb kbir,” jiftakar. “Kien hemm pressjoni kbira, imma wkoll sodisfazzjon enormi.”

Ma’ Juventus, hu lagħab ma’ plejers leġġendarji bħal Zinedine Zidane, Pavel Nedvěd, Edgar Davids, Antonio Conte u Didier Deschamps. Kien plejer li jagħti bilanċ lit-tim, magħruf għall-enerġija, il-qari tattiku u s-sagrifiċċju tiegħu fuq il-grawnd.

Matul il-perjodu tiegħu, Juventus rebħu diversi kampjonati u kompetizzjonijiet domestiċi, u Tacchinardi kien parti minn skwadra li waslet sa diversi finali Ewropej, inkluż il-UEFA Champions League.

Wara kważi 11-il sena f’Turin, Tacchinardi mar fuq perjodu ta’ self ma’ Villarreal CF, fejn kellu impatt immedjat fil-futbol Spanjol. Hemmhekk għen lit-tim jasal sal-semi-finali taċ-Champions League, riżultat storiku għall-klabb.

“L-esperjenza fi Spanja kienet differenti, aktar teknika, imma xorta intensa ħafna,” spjega hu. “Tgħallimt ħafna hemmhekk.”

Meta rritorna ma’ Juventus, is-sitwazzjoni fil-klabb kienet qed tinbidel wara l-iskandlu Calciopoli, u eventwalment il-karriera tiegħu ma’ Juventus waslet fi tmiemha fl-2007.

Tacchinardi lagħab ukoll mat-tim nazzjonali Taljan, fejn lagħab 13-il darba bejn l-1995 u l-2003. Għalkemm ma kellux karriera twila mat-tim nazzjonali Taljan huwa kien parti minn ġenerazzjoni b’saħħitha ħafna ta’ plejer ta’ nofs il-grawnd Taljani.

“Kont f’perjodu fejn l-Italja kellha ħafna midfielders ta’ kwalità kbira,” qal hu. “Ma kienx faċli tidħol regolarment, imma kull darba li kont hemm, kont nagħti kollox.”

Tacchinardi kien midfielder difensiv magħruf għall-intelliġenza tattika tiegħu, stamina u qari eċċellenti tal-logħba. Kien plejer li jaħdem ħafna, jirkupra l-ballun u jibni l-logħob minn wara.

Wara l-irtirar tiegħu, beda karriera bħala coach ma’ diversi klabbs fl-Italja, inkluż esperjenzi ma’ Calcio Lecco 1912 u US Pergolettese 1932. Għalkemm il-karriera tiegħu bħala kowċ kienet mimlija sfidi, hu jibqa’ marbut mal-futbol u jkompli jaħdem bħala analista u opinionista.

Waqt l-avveniment organizzat mill-Black & White Podcast, Tacchinardi tkellem b’mod miftuħ dwar il-futbol Taljan tal-lum, li skontu għaddej minn fażi diffiċli.

“Il-futbol Taljan bħalissa għandu problemi ta’ kwalità,” qal hu. “Qed naraw timijiet Taljani jitilqu kmieni mill-kompetizzjonijiet Ewropej, u anke l-assenza fit-Tazza tad-Dinja turi li hemm ħafna xogħol xi jsir.”

Huwa enfasizza l-bżonn ta’ investiment fiż-żgħażagħ u t-taħriġ tekniku, filwaqt li qal li futur aħjar jista’ jasal jekk isiru bidliet strutturali.

Meta mistoqsi dwar il-futur tiegħu, Tacchinardi kien realistiku iżda ottimist.

“Il-kowċing huwa diffiċli ħafna, għalija mhux faċli bħalissa. Imma nara l-futbol jibqa’ parti minn ħajti,” qal hu. “Forsi fi żmien għaxar snin narawni f’ruoli differenti.”

Dwar Malta, żied jgħid: “Hawnhekk nara passjoni kbira. Il-futbol mhux biss logħba, imma emozzjoni. U f’Malta din l-emozzjoni tħossha ħafna.”

Tacchinardi saħaq ukoll li wieħed mill-aktar aspetti importanti fil-karriera tiegħu kien il-valur tal-familja u l-bilanċ bejn il-futbol u l-ħajja personali. Hu qal li minkejja l-pressjoni kbira li tiġi ma’ klabb bħal Juventus, l-appoġġ tal-familja tiegħu kien fundamentali biex jibqa’ konsistenti u motivat. Hu semma wkoll kif illum japprezza aktar il-mumenti żgħar tal-ħajja, u kif il-futbol għallmu jkun dixxiplinat u umli. Skontu, dawn il-valuri huma l-istess li jrid jara fiż-żgħażagħ tal-lum li qed jaspiraw għal karriera professjonali.

Qabel temm l-intervista, Tacchinardi bagħat messaġġ ċar liż-żgħażagħ:

“Il-messaġġ tiegħi huwa sempliċi: gawdu l-futbol, imma bil-passjoni, l-umiltà u x-xewqa li dejjem titjiebu. Il-ħajja u l-futbol huma simili, trid taħdem kuljum biex il-ħolm tiegħek isir realta’.”

Minn Juventus ta’ Zinedine Zidane u Del Piero, għal Villarreal fl-Ewropa u issa bħala figura rispettata fil-futbol Taljan, Alessio Tacchinardi jibqa’ simbolu ta’ xogħol, dixxiplina u passjoni.

U f’Malta, permezz tal-Black & White Podcast, reġa’ sab ambjent li jfakkru għaliex il-futbol jibqa’ universali, logħba li tgħaqqad nies, kulturi u emozzjonijiet mingħajr limiti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport