Tuesday, April 30, 2024

Imħabbra €6.5 miljun f’fondi Ewropej għall-agrikoltura

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, tnedew tliet skemi mmirati għall-bdiewa u għar-raħħala. Dawn l-iskemi jammontaw għal €6.5 miljun u huma ffinanzjati minn fondi Ewropej. L-għan tagħhom huwa li jitnaqqsu l-piżijiet fuq il-bdiewa u r-raħħala; li jattiraw aktar żgħażagħ b’inċentivi ġodda mmirati għalihom biex jidħlu fis-settur agrikolu; kif ukoll biex dan is-settur ikun aktar reżiljenti u kompetittiv u jgħin lill-bdiewa jiddiversifikaw fil-prodotti tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal, “Qegħdin hawn f’għelieqi ta’ familja li diġà bbenefikat minn fondi Ewropej, u li permezz tagħhom setgħet tagħmel differenza biex ix-xogħol u l-prodotti tagħha jkunu aktar sostenibbli. Il-familja Gauci fost l-oħrajn għamlet sistema ta’ irrigazzjoni, panelli solari u ħadmet sistema biex tista’ tipproduċi prodotti oħra mill-prodotti li tkabbar. Din il-familja hija eżempju ċar tal-benfiċċji li jista’ jkollhom il-bdiewa u r-raħħala.”

Il-Ministru Schembri ħeġġeġ lir-raħħala u lill-bdiewa biex jagħmlu użu minn dawn il-fondi biex jippromwovu l-prodott Malti u biex jgħinu l-ekonomija Maltija tkompli tifjorixxi.

Huwa fakkar ukoll fl-għajnuna prattika li l-gvern qed jagħti fosthom permezz tal-Kordin Grain Terminal, fejn importaturi lokali qed ikollhom spazju akbar fejn jistgħu jaħżnu biex jixtru kwantitajiet kbar tal-ġwież u tal-qamħ biex kemm jista’ jkun iżommu l-prezzijiet stabbli.

Il-Ministru Anton Refalo qal li l-miżuri mill-Programm tal-Iżvilupp Rurali Ewropej servew u se jkomplu jservu ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa u għar-raħħala Għawdxin u Maltin. Huwa elenka li, “Dan kollu jkompli juri biċ-ċar ir-rieda tal-gvern u l-isforzi kbar li qed isiru sabiex inkomplu naraw li dan is-settur u dawk li jaħdmu fih ma jiġux impattati b’mod negattiv mill-effetti tal-pandemija u mill-gwerra fl-Ukrajna.”

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li l-gvern qed jalloka €6.5miljun fuq tliet skemi mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali sabiex jgħinu aktar lill-bdiewa jkomplu jinvestu, jiddiversifikaw u jinħolqu opportunitajiet ġodda għall-bdiewa żgħażagħ.

“Dan il-gvern dejjem investa fis-settur agrikolu u dejjem għen lill-bdiewa li jwettqu xogħol importanti biex ta’ kuljum iwasslulna fid-djar tagħna prodott lokali frisk. Għaldaqstant, kommessi li nkomplu nassistu lill-bdiewa permezz tal-fondi Ewropej biex inkomplu ninvestu fihom,” qal Dr Bonett. Huwa inkoraġġixxa lill-bdiewa biex minn nhar it-Tnejn jersqu ’l quddiem u japplikaw għal fondi Ewropej.

Sport