Friday, April 19, 2024

Imħabbra emendi fil-Whistleblower Act

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar emendi fil-liġi tal-Protezzjoni tal-Informatur magħrufa aktar bħala l-Whistleblower Act.

Matul konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis spjega li din il-liġi (Kapitlu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta) ta’ Settembru tal-2013 kellha l-iskop li tipprovdi protezzjoni lill-persuni li jirrapportaw prattiċi mhux xierqa u għemil ħażin fuq il-post tax-xogħol. Malta hija privileġġata għaliex hija waħda mill-uniċi 10 pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandhom din il-liġi.

Il-ministru stqarr li, “L-emendi li qed jiġu mħabbra llum ser iwasslu sabiex Malta tilħaq id-Direttiva Ewropea li tassigura li l-Istati Membri kollha jkollhom standards għoljin u komuni ta’ protezzjoni għall-whistleblowers.”

L-ewwel emenda proposta ser titratta l-mod kif tali ksur ta’ liġi jiġi rrappurtat. Dan jista’ jsir bi tliet modi. Permezz ta’ uffiċjal apposta, (whistleblower reporting officer) –  dan l-uffiċjal għandu d-dmir li jirreferi r-rapport għal segwitu ulterjuri, skont in-natura tal-għemil, filwaqt li jżomm l-identità tal-persuna li tirrapporta f’kunfidenzjalità stretta.  Ser jiġi introdott il-prinċipju tal-“faċilitaturi” – persuni li jassistu lill-whistleblower biex jagħmel ir-rapport. F’każ li wieħed ma jkunx jista’ jirraporta internament, jew ir-rapport ma jkunx investigat b’mod effettiv. It-tieni mezz huwa li wieħed jirraporta esternament lil waħda minn dawn l-awtoritajiet kompetenti: il-Kummissarju tat-Taxxi; il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja; l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta; il-Kummissarju għall-Organizzazzjoni Volontarji; il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni; u l-Ombudsman. It-tielet mezz huwa li wieħed iqiegħed l-informazzjoni fuq l-internet. Dan jintuża meta l-ksur irrappurtat jista’ jkun ta’ periklu għall-interess pubbliku jew meta hemm riskju ċar ta’ ritaljazzjoni jekk wieħed jirrapporta esternament.

It-tieni emenda ser twessa’ diversi tifsiriet importanti li mhumiex parti mill-Att kurrenti.

  • Impjegat, ser tirreferi wkoll għal shareholders u persuni li jappartjenu għall-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju f’kumpanija u persuni li huma f’relazzjoni prekuntrattwali ma’ min iħaddem,
  • Prattika mhux xierqa, din il-frażi ġiet imwessa’ biex tinkludi għadd ta’ każijiet ġodda li jikkostitwixxu din il-prattika, fosthom l-akkwist pubbliku,  u s-servizzi finanzjarji.
  • “detriment fuq il-post tax-xogħol” telenka diversi li jistgħu jitqiesu bħala ritaljazzjoni kontra l-informatur, dawn ma japplikawx jekk ikun hemm ċirkostanzi ġustifikabbli.
  • “kuntest relatat max-xogħol” jiċċara li l-attivitajiet tal-passat u attwali fuq il-post tax-xogħol jistgħu jissemmew fi żvelar f’każ li sseħħ prattika mhux xierqa.
  • Ser ikun fih dispożizzjonijiet ġodda dwar iż-żamma ta’ rekords.

Il-Ministru Zammit Lewis ħeġġeġ lil kull minn iħoss li hemm il-bżonn jirrapporta biex jagħmel dan. Qal li huwa bis-saħħa ta’ liġi bħal din li nkunu nistgħu niżguraw li prattiċi illegali u abbużi fuq il-postijiet tax-xogħol, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-persuni u l-ġid komuni, ma jibqgħux moħbija u jiġu investigati.

Is-Segretarju Permanenti Johan Galea u d-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni tad-Data u Koordinazzjoni tal-Informazzjoni Davida Flores qalu li tagħrif dwar dawn id-dispożizzjonijiet ġodda jinsab fuq www.whistleblower.gov.mt.

Għal mistoqsijiet dwar din il-liġi wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected].

Sport