Thursday, March 28, 2024

Tifel Amerikan ċċertifikat bħala l-aktar tarbija prematura fid-dinja li baqgħet ħajja

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Tifel Amerikan li twieled wara biss 21 ġimgħa u ġurnata u li kien jiżen inqas minn nofs kilo għadu kif ġie ċċertifikat bħala l-aktar tarbija prematura fid-dinja li baqgħet ħajja.

Curtis Means twieled ġewwa Birmingham, Alabana, is-sena l-oħra b’piż ta’ 420g biss.

Il-Guiness World Records ikkonferma li Curtis, li issa kiber u għandu 16-il xahar, waqqaf ir-rekord il-ġdid.

Ġeneralment tqala ddum 40 ġimgħa li jfisser li Curtis twieled kważi 19-il ġimgħa qabel iż-żmien.

Ommu, Michelle Butler ittieħdet l-isptar fl-4 ta’ Lulju tas-sena l-oħra u l-għada welldet tewmin – Curtis u C’Asya. Sfortunatament C’Asya mietet il-ġurnata ta’ wara.

B’inqas minn wieħed fil-mija ċans li jibqa’ ħaj, Curtis baqa’ jikkumbatti fil-kura intensiva. Aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, Curtis baqa’ juri titjieb f’saħħtu tant li wara tliet xhur huwa tneħħa mill-ventilator u ħareġ mill-isptar f’April ta’ din is-sena wara li kien għamel 275 jum l-isptar.

It-terapisti kienu kruċjali għal Curtis hekk kif kellhom jgħinuh kif għandu jagħmel biex jieħu n-nifs u kif juża ħalqu biex jiekol.

Minkejja li xorta waħda għad għandu bżonn l-għajnuna biex jiekol u jieħu n-nifs, it-tobba qalu li Curtis, li għandu tliet aħwa ikbar minnu, jinsab f’saħħtu.

Ekonomija

Sport