Wednesday, April 24, 2024

Il-baġit, il-kwalità tal-ħajja u l-għajnuna għall-persuni vulnerabbli fuq l-aġenda tal-MCESD

Aqra wkoll

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-imsieħba soċjali ltqagħu biex jiddiskutu suġġetti marbuta mal-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna, b’enfasi fuq il-faxxa tas-soċjetà meqjusa bħala vulnerabbli. Għal dan l-għan saret ukoll preżentazzjoni dwar il-Baġit 2022 bit-tema ‘Malta li Rridu għal Uliedna’ – baġit li kien jinkludi diversi inizjattivi biex jgħin lil dawk l-iktar vulnerabbli.

Fost l-istess imsieħba soċjali se tissokta wkoll id-diskussjoni dwar il-mekkaniżmu għall-għoli tal-ħajja għal familji vulnerabbli kif imħabbar fil-baġit għas-sena d-dieħla.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li din hija diskussjoni ta’ importanza mill-aspett soċjali, kif ukoll mill-aspett kompetittiv ta’ pajjiżna. Din id-diskussjoni se tolqot persuni li qegħdin fid-dinja tax-xogħol bi dħul baxx, imma anke persuni oħra li għal xi raġuni jew oħra mhux qed jaħdmu jew ma jistgħux jaħdmu.

Fir-rimarki tiegħu, il-ministru spjega li l-għoli tal-ħajja mhuwiex jinħoloq minħabba deċiżjonijiet li qed jittieħdu lokalment, tant li l-gvern qed jieħu deċiżjonijiet biex itaffi u mhux iżid dan il-piż. Fil-fatt, f’dan iż-żmien, filwaqt li pajjiżi oħra, fosthom pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, kellhom jgħollu t-tariffi marbuta mal-enerġija, f’Malta l-gvern żamm il-prezzijiet stabbli.

Il-ministru rrefera għas-sistema tas-sigurtà soċjali f’Malta bħala waħda b’saħħitha u saħaq li fl-aħħar mill-aħħar il-pajjiż jew soċjetà juru kemm verament jimpurtahom minn kif jitrattaw lil dawk l-aktar vulnerabbli. Dan il-gvern jimpurtah u ser jibqa’ jaħdem biex kulħadd ikollu l-opportunitajiet kollha li jixirqulu.

Il-Ministru Abela, fil-konklużjoni tiegħu, stqarr li, “L-għan tagħna bħala gvern huwa li ħadd ma’ jaqa’ lura, u filwaqt li rridu nippremjaw il-bżulija u x-xogħol biex pajjiżna jibqa’ b’saħħtu ekonomikament, daqstant ieħor irridu naraw li pajjiżna jibqa’ b’saħħtu mill-aspett soċjali – li kulħadd ikollu dħul bażiku biex jgħix ħajja diċenti.”

Sport