Monday, May 13, 2024

Imħabbra l-Malta Agrifair 2024 – Ċelebrazzjoni tal-Prodott Lokali Malti

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said, ġie mħabbar il-programm uffiċjali tal-Malta AgriFair2024.

Wara s-suċċess tal-ewwel edizzjoni tal-Malta Agrifair li saret fl-2022 fejn attirat madwar 35,000 persuna bejn residenti lokali u turisti, reġgħu ġew imħabbra d-dati li fihom se tittella’ il-Malta Agrifair 2024, dawk bejn il-Ġimgħa 12 t’April u l-Ħadd 14 t’April 2024.

Għal din is-sena, produtturi lokali, fosthom bdiewa, raħħala, sajjieda, artiġġjani lokali, se jkollhom l-opportunità li jesponu l-prodott Malti waqt din iċ-ċelebrazzjoni unika fil-Gżejjer Maltin. Fost l-esebizzjonijiet, se jkun hemm diversi prodotti agrikoli, ħut u apparat għas-sajd, kompetizzjonijiet tal-annimali, u anki l-Malta Kulinarja 2024 b’diversi kompetizzjonijiet ta’ ikel varjat.

Il-Ministru Anton Refalo qal “Din hi t-tieni darba li se nkunu qed norganizzaw din il-fiera, bl-għan ewlieni tal-Malta AgriFair hu li tkun vetrina li b’mod innovattiv u interattiv tesponi l-kwalità tal-ikel lokali u turi l-ħiliet u l-kapaċitajiet ta’ kull min jaħdem f’dan il-qasam. Il-Malta AgriFair 2024 mhux biss hi opportunità unika biex il-poplu tagħna jkun infurmat u jsir jaf aktar dwar il-varjetà u l-kwalità tal-prodotti tal-ikel u xorb lokali, imma wkoll biex l-esebituri jsiru jafu iktar dwar xulxin u jesploraw kif jistgħu jikkollaboraw bejniethom.”

Huwa appella lill-pubbliku Malti u Għawdxi sabiex jattendi ġewwa Ta’ Qali għall-AgriFair2024. “Flimkien inkomplu nsaħħu dan is-settur tant strateġiku għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna, filwaqt li nagħtu s-sostenn tagħna lil dak li huwa lokali, il-Prodott Malti li huwa bnin u ta’ kwalità,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet kemm huwa importanti li jiġu organizzati avvenimenti ta’ dan it-tip f’pajjiżna. “L-Agrifair hija festa fejn fiha nesebixxu l-prodotti lokali għat-tgawdija mhux biss taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, iżda anki għat-turisti fejn jistgħu jaraw x’għandu x’joffri pajjiżna,” kompliet tgħid Bugeja Said.

“L-Agrifair qiegħda sservi biex bħala Gvern inkomplu nwasslu l-messaġġ ta’ sostenibbiltà anki fejn tidħol il-biedja, is-sajd, u l-produzzjoni lokali. B’hekk mhux biss inkunu qegħdin noffru spazju xieraq għall-promozzjoni lill-produtturi lokali tagħna, iżda nesponu wkoll parti integrali mill-wirt kulturali tagħna, dik tal-prodott lokali għat-tgawdija taċ-ċittadini kollha,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari .

Waqt li l-Ministru Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said żaru l-aħħar preparamenti għal din il-Fiera, Estelle Bonello Sant, Direttur tal-Operat fi ħdan il-Ministeru, spjegat kif il-fiera ser tkun qiegħda tiftaħ mill-10 ta’ filgħodu sal-10 ta’ filgħaxija. Hija kompliet tispjega wkoll kif is-Sibt 13 t’April mill-5 ta’ filgħaxija ’l quddiem ser ikun hemm il-kompetizzjonijiet tal-ġmiel tal-baqar, u l-Ħadd 14 t’April filgħodu ser ikun hemm ukoll il-kompetizzjonijiet tan-nagħaġ u l-mogħoż.

Sport