Monday, April 29, 2024

“TM għandha ħafna aktar x’toffri lill-pubbliku…”

- Mark Mallia - Kap Eżekuttiv Transport Malta

Aqra wkoll

Kif qed tħares lejn dan ir-rwol ġdid tiegħek bħala Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta? 

Kull bidla ġġib magħha sfidi uniċi u partikolari, iżda min-naħa wkoll, opportunitajiet ġodda u diversi. B’ottimiżmu u ħerqa nħares lejn dan l-irwol ġdid li ġejt fdat bih, sabiex bħala Kap Eżekuttiv ta’ awtorità governattiva bħalma hi Transport Malta, inkompli nsaħħaħ il-qafas tajjeb eżistenti, filwaqt li nibda nwettaq it-tibdil li hemm bżonn sabiex inkomplu naraw li din l-awtorità tibqa’ taqdi l-funzjonijiet tagħha kif mixtieq. Inħares ‘il quddiem lejn aktar avvanzi, proġetti innovattivi u twettiq ta’ miżuri ta’ benefiċċju sabiex inkomplu naraw l-industrija tat-trasport tiffjorixxi u tissaħħaħ.

X’rispons kien hemm rigward tallinja Card b’xejn kemm fuq ix-xarabanks u anke bl-użu tal-ferry?

Ir-rispons kien qawwi u nista’ ngħid li ntlaqgħet tajjeb ferm. Sakemm damet miftuħa l-iskema għal tallinja cards bla ħlas, applikaw ‘il fuq minn 43,864 persuna li gawdew minn din l-inizjattiva u għamlu użu mit-trasport pubbliku tagħna.

Apparti minn hekk, f’Jannar ta’ din is-sena, hekk kif rajna dan ir-rispons tant sodisfaċenti mill-pubbliku, estendejna l-proviżjoni ta’ trasport bla ħlas għal kull min jagħmel użu mit-trasport pubbliku f’pajjiżna, billi għamilna s-servizz tal-Harbour Ferry Services li jopera bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera bla ħlas, għad-detenturi ta’ tallinja card. Tajjeb li wieħed jgħid ukoll li dan iġib miegħu benefiċċju ulterjuri, li persuna li tagħmel użu mill-Harbour Ferry Service, tkun tista’ tagħmel użu ukoll mil-lift tal-Barrakka ta’ Fuq li jagħti għall-Belt Valletta, bla ħlas.

Dan bil-għan li nkomplu noħolqu għarfien dwar għażliet ta’ trasport aktar sostenibbli, paripassu mat-trawwim ta’ ambjent aktar ekoloġiku. Irnexxiet, u rajna li qed tkompli tkun għażla popolari anke hekk kif statistika miġbura mill-awtorità turi li bejn il-15 u l-21 ta’ Jannar biss, in-numri ta’ passiġġiera li għamlu użu minn dan is-servizz żdiedu konsiderevolment meta mqabbel mal-istess perjodu matul is-sena li għaddiet.

Għaliex tneħħew l e-scooters? Kienu ta’ periklu fit-toroq tagħna?

Tajjeb li ngħidu li pajjiżna qatt ma waqqaf l-użu ta’ e-scooters privati, anzi nħares lejn dan il-mezz ta’ trasport bħala wieħed alternattiv meta jintuża b’mod effiċjenti, u xempju ta’ dan huma wkoll id-diversi benefiċji u għotjiet li qed nagħtu bħala Transport Malta sabiex ninċentivaw lil dawk li jagħmlu użu minn dan il-mezz ta’ trasport. Irridu niċċarraw, li dak li ġie projbit fis-seħħ mill-1 ta’ Marzu 2024, huwa s-servizz ta’ kiri ta’ e-kickscooters elettriċi minn kumpaniji privati fit-toroq tagħna.

Il-Gvern ta widen għal dak li kienu qed jgħidu r-residenti fil-lokalitajiet diversi u l-pedestrians u l-utenti vulnerabbli li jagħmlu użu ta’ kuljum mit-toroq residenzjali u maġġuri, minħabba li ħassew li hemm nuqqas ta’ protezzjoni tas-sigurtà tagħhom fit-toroq Maltin u Għawdxin. B’mod partikolari, f’żoni urbani b’populazzjoni densa bħalma huma Tas-Sliema u San Ġiljan fost oħrajn, fejn ir-residenti ħassewhom impeduti minn aċċess għall-parkeġġ tal-vetturi tagħhom minħabba li e-kickscooters mikrija kienu jitpoġġew bl-addoċċ, jimblukkaw bankini, passaġġi, aċċess għal garaxxijiet jew żoni komunali oħra.

Konsegwentement, nemmnu b’responsabbiltà, li meta persuna jixtri e-scooter tiegħu b’mod personali, se jkun qed jieħu ħsiebu b’mod aktar rett u għaldaqstant, flimkien mal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, ħriġna għotjiet għal xiri ta’ e-kickscooters, biex inkomplu nippromwovu l-użu tagħhom b’mod li dawn ikunu fil-fatt proprjetà privata aktar milli mikrija, u b’hekk niżguraw aktar sigurtà fit-toroq tagħna għar-residenti kollha u neliminaw inkonvenjenzi bla bżonn. Inċentiv f’forma ta’ grant ta’ 150 ewro ġiet introdotta matul din is-sena sabiex inħeġġu lill-individwi jinvestu u jixtru e-scooter privat. Kommess li nkomplu nżidu l-isforzi tagħna bħala awtorità b’miżuri bħal dawn biex inħeġġu lill-pubbliku juża trasport alternattiv u aktar nadif.

Kif qed tħares lejn il-futur tal-Awtorità, Transport Malta?



Il-futur huwa sabiħ, u kif tennejt qabel, inħares lejn iż-żmien li ġej bħala wieħed li se joffri sfidi diversi, iżda li se jagħti opportunitajiet akbar. Transport Malta għandha ħafna aktar x’toffri lill-pubbliku, u dan nemmen li se nkunu qed insaħħuħ u ntejbuh. Se nara li Transport Malta tkun awtorità regolatorja li taqdi dmirijietha kif mistenni, tiggarantixxi sigurtà fit-toroq u l-portijiet tagħna, u fil-qasam tal-avjazzjoni, tkun akkontabbli fil-proċessi, integra fis-servizzi li toffri u trasparenti f’ħidmietha.

Ma’ dan, fattur importanti ħafna għalija huwa l-essenzjal tal-komunikat. Nemmen li rridu nwasslu l-messaġġ tat-twettiq u t-tfassil tagħna b’mod aktar effettiv, u dan nagħmluh biss jekk inkunu viċin il-pubbliku, kemm bil-mezzi tal-media soċjali tagħna, kif ukoll fil-proġetti li nwettqu. Se nara wkoll li nsaħħu l-qafas diġitali tal-awtorità, fejn se nimirħu fuq pjan komprensiv u estensiv biex inkomplu niffaċilitaw is-servizzi tagħna, u nfasslu pjattaforma diġitali li tagħti aċċess aktar simplifikat u komdu għal kulħadd. L-għan ewlieni li l-klijenti tagħna jinqdew bl-aħjar mod u fl-inqas ħin possibbli. Nassigurak, li din il-ħidma diġá skattat, u se tkompli tiżdied fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport