Sunday, May 5, 2024

Jum il-Ħelsien newtralità u paċi

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet Jum il-Ħelsien għalaq 45 sena minn mindu sar.  Għal dawk li huma anzjani, dan il-Jum għandu sinifikat qawwi. Ir-raġuni hi li t-tibdiliet li saru bejn il-ħamsinijiet u tmeninijiet Malta minn kolonja saret indipendenti.  L-indipendenza uffiċjalment saret fl-1964, sittin sena ilu. Biss dakinhar Malta xorta baqgħet bażi Ingliża, sitwazzjoni li limitat l-indipendenza sew fil-politika barranija u sew fl-ekonomija. Dan għaliex bejn l-1964 u l-1979, ħmistax-il sena, Malta baqgħet tiddependi mill-bażi Ingliża. 

Meta l-bażi f’Malta ngħalqet, Malta implimentat politika ġdida ta’ newtralita’ minkejja li n-newtralita’ daħlet fil-Kosituzzjoni Maltija fit-80ijiet. In-newtralità u l-paċi saru l-bażi tal-politika barranija ta’ Malta. 

Imma dan ma kienx kollox, għax għall-ewwel darba, il-Maltin bdew jemmnu li huma kapaċi li jiżviluppaw l-ekonomija tagħhom b’mod indipendenti u mhux fuq id-dipendenza tal-bażi Militari Ingliża bħal ma kienet għal fuq minn 100 sena.  Hemm beda t-tibdil qawwi fl-ekonomija Maltija.  Ma kienx żmien faċli sew minħabba d-diffikultajiet biex nibdew niżviluppaw l-ekonomija b’mod li jgħodd għal Malta u sew minħabba li kellek numru ta’ nies li qatt ma emmnu li Malta tista’ tiżviluppa ekonomija tajba għal pajjiżha hi stess. Dan barra li l-maġġoranza kienet temmen li kif jispiċċaw is-servizzi Ingliżi ħafna beżgħu li se jmutu bil-ġuħ.

Wara li l-Partit Laburista ma baqgħax fil-Gvern fit-80ijiet, in-newtralita’ saret biss parti mill-Kostituzzjoni Maltija u mhux fil-prattika.  Tant hu hekk, li l-kelma newtralita’ kienet spiċċat u kważi kulħadd kien nesa li Malta hi newtrali. 

Minn indipendenti għal integrazzjoni

Għaddejna minn żmien twil fejn l-issue kienet jekk nintegrawx fl-UE jew le.  Il-poplu dakinhar kellu żewġ għażliet – jew nintegraw kompletament fl-UE jew li nżommu l-indipendenza tagħna, nibqgħu newtrali u nibnu relazzjonijiet tajba mal-UE sitwazzjoni bħal ma għandha l-Iżvizzera.  

Biss il-poplu Malti dakinhar għażel li nintegraw kompletament minħabba l-wegħda li ser nibqgħu indipendenti u ser insolvu l-problemi kollha tagħna għax ser tħallas kollox l-UE. 

Deċiżjoni li rabtitna u lanqas jekk irridu ma jirnexxielna noħorġu minnha.  

In-newtralità

Tul dan iż-żmien in-newtralità ma tajniex kasha.  Ma kinitx xi ħaġa serja għal dak iż-żmien għaliex it-tenzjonijiet fid-dinja kienu naqsu.  Mhux talli hekk talli l-għan ta’ ħafna nies kien il-globilizzazzjoni fejn id-dinja kienet qed tersaq biex issir poplu wieħed sew f’ekonomija u sew fil-kultura.  Kien pass li ħafna nies dan ma għoġobhomx. 

Min-naħa ta’ gvernijiet, dawk li qabel kellhom poter qawwi fuq pajjiżi oħra issa sabu li dan il-poter qed jintilef minħabba l-iżvilupp ekonomiku mad-dinja kollha.  Tal-Punent bdew jaraw li d-dominanza li kellhom fl-ekonomija dinjija issa bdiet tintilef għaliex pajjiżi oħra bħaċ-Ċina u l-Indja, l-ekonomija tagħhom splodiet ‘il fuq. 

Min-naħa tal-popli, il-globilizzazzjoni ġabet magħha ħafna ċaqliq tan-nies minn pajjiż għall-ieħor.  Din ġabet magħha theddida għall-kultura ta’ kull pajjiż.  Ħafna min-nies, inklużi Maltin, din kienet u għadha ddejjaqhom. 

Sitwazzjoni ġdida

Dan it-tibdil ħoloq tenzjonijiet bejn il-pajjiżi u għalkemm kien hemm gwerer għaddejjin, dawn ma kienux bejn pajjiżi kbar għalkemm dawn kienu kollha mdaħħlin f’dawn il-gwerer.  Waħda li laqtitna sew kienet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukranja.  Laqtitna għaliex barra li kienet fl-Ewropa, kienet tinvolvi lir-Russja – pajjiż li kien meqjus super potenza.  Ktibt ‘meqjus’ għaliex ħadd ma kien jistenna li r-Russja ma jirnexxilhiex dak li riedet hi f’pajjiż li ma kienx meqjus li hu xi potenza kbira.  L-unika differenza hi li r-Russja hi pajjiż nukleari kbir li jfisser li hemm periklu kbir jekk aħna permezz tad-direzzjoni tal-UE ser inkunu lesti biex nidħlu fi gwerra.

Il-problemi tad-direzzjoni tal-EU huma tnejn.  L-ewwel li huma jieħdu d-direzzjoni min-NATO u t-tieni li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar il-pajjiżi l-kbar fl-UE iridu jkabbru l-poter u għalhekk ilhom jissuġġerixxu li l-politika tal-EU, fosthom il-Politika Barranija, għandha tkun unita u din ma tiġix imfassla b’unanimita’ iżda bil-maġġoranza tas-siġġijiet Parlamentari Ewropej.  Din is-sistema għadha ma daħlitx iżda ser ikun hemm pressjoni kbira wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex din il-bidla s-seħħ.

Għalina, dan ikun diżastru għaliex niġu f’sitwazzjoni fejn inkunu kolonja aktar ikkontrollata.  Irridu niftakru li aħna l-iżgħar pajjiż fl-UE għax kull ma għandna huma sitt Membri Parlamentari minn total ta’ 705.  Is-sitwazzjoni tkompli tiħrax jekk jiżdiedu aktar pajjiżi fl-UE għaliex filwaqt li aħna jibqa’ jkollna 6 Membri Parlamentari l-ammont jiċkien bħala persentaġġ tat-total.

Pass ‘il quddiem

Biss dan l-aħħar sar pass importanti – dak li l-Prim Ministru ta’ Malta mhux talli emfasizza n-newtralita’ imma flimkien ma tliet pajjiżi oħra ddikjara li Malta hi favur li jkun hemm stat Palestinjan u lesta li tirrikonoxxih – pass f’direzzjoni differenti minn tal-UE s’issa.

Pass importanti għaliex kważi kull pajjiż tal-UE huma fin-NATO – organizzazzjoni li mill-bidu tagħha inħolqot biex tikkontrolla lir-Russja.  Hu għalhekk li l-UE fil-gwerra tal-Ukranja, minflok ħadmet biex tieqaf il-gwerra u noħolqu sitwazzjoni aċċettabbli għal kulħadd bir-riżultat ta’ PAĊI, ħlief tibgħat l-armi biex tkompli l-gwerra u jintilfu aktar nies innoċenti ma għamlitx.  Mhux talli hekk, imma issa hemm pressjoni biex il-pajjiżi tal-UE jibagħtu truppi tagħhom u minflok inġibu l-PAĊI ndaħħlu l-Ewropa kollha fi gwerra li żgur tkun diżastruża għall-Ewropa kollha inkuż aħna. 

Dan il-pass tal-PM hu importanti għaliex kien pass li wrejna li għalkemm aħna fl-UE, aħna indipedenti u lesti li nħasu l-interessi ta’ pajjiżna. Barra minhekk passi bħal dawn qed nuru li aħna Maltin Ewropej u mhux Ewropej biss. Vantaġġ ieħor hu li passi bħal dawn ibiddlu l-importanza tagħna u ma nibqgħux ħanqa ta’ ħmar fis-sema.

Hu għalhekk dan il-pass kien importanti għaliex qed nagħtu nota li aħna pajjiż indipendenti, newtrali u mhux gwerra rridu imma PAĊI – il fundament li ħloqna 45 sena ilu b’Jum il-Ħelsien.

Sport