Monday, May 13, 2024

Żwiemel: Se ssir finali tal-kampjonat Bavaria – it-tieni edizzjoni għall-Klassi Gold

Aqra wkoll

Il-poloz tal-finali tal-Kampjonat Bavaria riservat għall-klassi Gold ittelgħu l-Ġimgħa filgħodu fil-Malta Equibet sitwat il-Malta Equidrome l-Marsa.

Dan huwa kampjonat puttost ġdid li ġie inawgurat is-sena l-oħra grazzi għas-sostenn tal-kumpanija GSD Marketing Ltd permezz ta’ waħda mid-ditti li jirrapreżentaw, il-birra Bavaria.

L-edizzjoni ta’ din is-sena rat konkorrenza akbar minn dik tal-2023 hekk kif kienu 84 żiemel li pparteċipaw fit-tiġrijiet preliminari li din is-sena kienu sebgħa – waħda aktar mis-sena l-oħra. Dan fisser li kienu 35 li għamluha għas-semi finali li nġrew Sibt il-Għid u għalhekk hawn ukoll kellna semi finali aktar meta nqassmu fi tlieta u mhux tnejn.

Wieħed qed jistenna b’antiċipazzjoni din il-finali li se ssir fuq distanza ta’ 2640m hekk kif iż-żwiemel finalisti, għalkemm uħud minnhom m’ilhomx li bdew jiġru lokalment, qed juru potenzjal kbir b’saħansitra tlieta diġa promossi fi klassi Premier.

Il-finali se tinġera nhar il-Ħadd 14 t’April fejn għal darb’oħra se jitqassmu total ta’ €3200 fi premjijiet, trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel erba’ postijiet u għata kommemorattiva lir-rebbieħ.

Preżenti għat-tlugħ tal-polza kien hemm il-Kap tas-Sales u Marketing tal-Kumpanija GSD is-Sur Mark Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat u l-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele apparti s-sidien taż-żwiemel finalisti.

Sport