Wednesday, July 24, 2024

MFPA pass bogħod milli jżommu t-titlu

Aqra wkoll

MFPA kisbu rebħa kbira ta’ 13-4 kontra Hibernians fil-VMFA Cisk Championship Pool sabiex jinsabu pass biss bogħod milli jżommu t-titlu li rebħu s-sena l-oħra.

Il-Malta Football Players Association kienu dominanti tul il-logħba fejn spikka Mark Barbara li skorja erba’ gowls, Luke Cauchi kien awtur ta’ tripletta, b’Carlo Mamo u Aleksandar Ribic li skorjaw darbtejn kull wieħed. Gareth Sciberras u Charles Polidano ipparteċipaw fil-festival tal-gowls għat-tim tagħhom.

Il-Pawlisti skorjaw b’doppjetta ta’ Alan Tabone u b’gowls oħrajn ta’ Mauro Brincat u Leandros Calleja.

Gżira United Veterans rebħu l-isfida tat-tieni post meta għelbu lil Birkirkara St Helen’s 6-4 filwaqt li żammew it-tamiet tagħhom li jisfidaw għat-titlu.

L-aqwa skorer tal-kampjonat Ian Zammit skorja doppjetta, l-istess kif għamel Arthur Oyama. Trevor Cilia u Gilbert Camilleri Lowell għaqqdu l-iskor għall-Gżirjani.

Noel Bray skorja doppjetta għall-Istripes b’Ayrton Buhagiar u Kevin Borg Degiorgio li niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Fil-VMFA Cisk Challenge Pool, Rabat Veterans telgħu fl-ewwel post tal-klassifika wara li għelbu lil Żurrieq Wolves 4-2.

Ir-Rabtin kienu determinati li jirritornaw għar-rebħ u kellhom lil Ibrahim Tarek li skorja doppjetta filwaqt li Adam Smeir u Timothy Zammit kellhom is-sodisfazzjon li jsibu x-xibka wkoll.

Alex Abdilla u Roderick Caruana naqqsu l-marġni tal-iskor għaż-Żrieraq.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Championship Pool

MFPA 38, Gżira United 34, Birkirkara St Helen’s 29, Hibernians 19.

KLASSIFIKA – VMFA Cisk Challenge Pool

Rabat 20, Luxol 17, Żurrieq Wolves 6.

Ekonomija

Sport