Saturday, May 4, 2024

STĦARRIĠ

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Dwar l-elezzjonijiet Ewropej f’Malta l-eżerċizzji ta’ stħarriġ tal-opinjoni li qed isiru aktar qed ixerrdu s-sħana milli d-dawl. L-aktar ħaġa konsistenti fihom hi li bin-numru ta’ voti li se jikseb, il-Partit Laburista dejjem jintwera minn quddiem, b’maġġoranza li dejjem tvarja. L-ebda stħarriġ sa fejn naf jien ma kkonkluda eżattament kif se jitqassmu bejn iż-żewġ partiti s-siġġijiet ta’ Malta fil-Parlament Ewropew.

Il-Labour jixtieq jerġa’ jkollu erba’ siġġijiet, il-PN qed jitħabat biex is-siġġijiet jinqasmu b’mod ugwali. M’hemmx dubju li dan kollu se jorbot ħafna fuq kemm se joħorġu jivvotaw nies. Hu dwar dan l-astensjoniżmu li r-riżultati tal-istħarriġ ma tantx joffru dawl. L-istimi li ħarġu sa issa juru varjazzjonjiiet qawwija, bejn telqa totali fil-parteċipazzjoni għal waħda qrib dik tal-2019.

Kollox qed juri li sal-aħħar l-istimi li se jsiru dwar hekk għandhom mnejn jibqgħu dubjużi. X’aktarx li ħafna minn dawk li sa issa biħsiebhom ma jivvotawx se jaslu għal deċiżjoni finali fil-jum tal-votazzjoni.

BIDLIET UMANI, PJANETARJI

Għalina l-bnedmin il-bidliet li nġarrbu f’ħajjitna bħala individwi, bħala membri ta’ familja, ta’ soċjetà jew ta’ nazzjon jitqiesu f’perspettiva qasira bħala ta’ xhur, sentejn jew tlieta l-aktar; waqt li f’perspettiva tat-tul, f’deċennji l-aktar, sakemm mhux seklu jew tnejn. Wara kollox, l-istorja magħrufa tal-bniedem ma tmurx lura aktar minn ftit eluf ta’ snin.

Mentri l-bidliet li jseħħu fuq skala ta’ pjaneta jew b’mod aktar mifrux, ta’ univers, jirrekjedu bil-kejl tagħna meded ta’ miljuni ta’ snin. Dan jagħmel il-ġrajjiet pjanetarji, hawn f’did-dinja jew lil hinn minnha, imbiegħda għal kollox mill-esperjenza umana. Diffiċli tifhem xi jkun għaddej.

Forsi t-tisħin li qed jiġi rapportat fil-klima tad-dinja tagħna hu l-uniku każ fejn din ir-“regola” qed tinkiser. Ħafna jsostnu li jistgħu jagħrfu l-bidla fil-klima bħala waħda li ġrat tassew tul ħajjithom

L-AWSTRALJA

Laqgħa dan l-aħħar ma’ ħabib mill-Awstralja li kien ili żmien twil ma nara, serviet ukoll biex tqanqalli l-memorji li għandi ta’ dak il-pajjiż mill-aqwa. Nista’ ngħid li żort l-ibliet ewlenin tiegħu ħlief Brisbane u Darwin. F’kollha ltqajt ma’ Maltin u Għawdxin tal-aqwa kalibru b’sens tassew ammirevoli ta’ ħbiberija u ospitalità. Iltqajt ukoll ma’ Awstraljani oħra, li kellhom ħafna xi jgħidu dwar kif qed jiżviluppa pajjiżhom.

Iż-żjarat li għamilt hemm kienu ta’ siwi kbir u pjaċevoli. Tgħallimt ħafna minnhom. Ta’ kultant jiġini l-ħsieb li jmissna nagħmlu aktar bħala pajjiż biex inżommu sew il-kuntatti li għandna mal-Awstralja u nistinkaw biex inkabbruhom. Ma rridux “inħallu” lill-Unjoni Ewropea timmonopolizza il-ħidma diplomatika u kummerċjali ta’ Malta.

Sport