Sunday, October 27, 2024

Imħabbra sensiela ta’ riformi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Robert Brincau se jinħatar Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Bryon Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn matulha ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Waqt l-istess konferenza, il-Ministru Camilleri ħabbar it-twaqqif ta’ Kummissarju għall-ħarsien u żvilupp tal-priġunieri. Din hija fost waħda minn sensiela ta’ riformi li l-Ministru se jimplimenta b’mod immedjat biex tassew ikompli l-proċess trasformattiv li jwassal għall-bilanċ bejn is-saħħa, sigurtà u rijabilitazzjoni.

Il-Ministru aċċenna għall-fatt li f’Awwissu li għadda huwa ħatar inkjesta indipendenti, li kienet immexxija mill-Psikjatra Anton Grech.

Il-Bord tal-inkjesta għamel 32 rakkomandazzjoni li fost l-oħrajn jinkludu: il-ħtieġa ta’ aktar checks and balances fis-sistema; il-ħtieġa li jkun hemm klassifikazzjoni differenti bejn il-priġunieri, partikolarment bejn dawk arrestati u sentenzjati; direzzjoni lejn sistema b’livelli ta’ sigurtà differenti; it-twaqqif tal-ewwel ċentru rijabillitattiv; rakkomandazzjonijiet marbuta mal-ħarsien tad-dixxiplina b’mod aktar trasparenti.

Il-Ministru qal li filwaqt li qed jippubblikaw dawn ir-rakkomandazzjonijiet, bħala Ministeru se jimplimenta sensiela ta’ riformi.

L-ewwel riforma mħabbra hija dik tat-twaqqif ta’ Kummissarju għall-ħarsien u żvilupp tal-priġunieri. L-idea hija li jkun hemm Uffiċċju Indipendenti li se jkun responsabbli li jippromwovi u jissalvawardja d-drittijiet tal-priġunieri; jirrevedi kwalunkwe policy tal-Aġenzija u jagħmel tali rakkomandazzjonijit biex jissalvagwardja jew itejjeb id-drittijiet tal-priġunieri u jiffaċilita r-rijabilitazzjoni tagħhom; u jwettaq spezzjonijiet regolari fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, biex ikun assigurat li l-provvediment fil-Prisons Act qed jinżammu.

Mil-lum stess ukoll il-Ministru ħabbar it-tisħiħ tal-bord ta’ monitoraġġ tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Sal-lum, il-Bord ta’ Monitoraġġ kellu funzjoni speċifika, dik li jagħti parir, jistħarreġ u jirrapporta l-konklużjonijiet tiegħu lid-Direttur tal-Ħabs. Permezz ta’ emendi leġiżlattivi, il-Bord ta’ Moniteraġġ se jkollu poteri li jiddeċiedi filwaqt li d-deċiżjoni tal-Bord tkun waħda finali. Il-Kummissarju għall-Ħarsien u l-Iżvilupp tal-Priġunieri se jkun jista’ jagħmel talbiet lill-Bord ta’ Moniteraġġ u f’każ li ma jkunx hemm qbil mad-Direttur, id-deċiżjonijiet tal-Bord se jkunu finali.

It-tielet punt ta’ bidla kbira huwa dak li għall-ewwel darba se jkun hemm t-twaqqif taċ-Ċentru Rijabilitattiv Massimiliano Kolbe, liema bini ta’ dan iċ-ċentru ġdid kien tħabbar fil-miżuri tal-Budget 2022 u li għalih diġà beda x-xogħol ta’ tħaffir. Dan se jkollu spazju għal 140 priġunier u se jiffoka fuqu dawk il-priġunieri li jkollhom bżonn kura jew għajnuna speċjalizzata bħala parti mill-proċess rijabilitattiv tagħhom. Il-Ministru qal li bħalissa għaddejjin konsultazzjonijiet ma’ entitajiet non-governattivi li jistgħu jkunu interessati biex imexxu dan iċ-ċentru flimkien mal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. 

Rakkomandazzjoni oħra li ħarġet mill-inkjesta, kienet dik ta’ family room barra l-konfini tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Ministru qal li ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-għaqda Mid-Dlam għad-Dawl li permezz tiegħu se tinfetaħ din il-family room biex dawk il-priġunieri li għandhom tfal minorenni jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità mal-familji tagħhom f’ambjent iktar privat u akkoljenti. 

Il-Ministru aċċenna għar-rapport tal-Awditur Ġenerali li ġie ppubblikat ftit tal-jiem ilu fejn fih innota li f’dawn l-aħħar snin saru sensiela ta’ riformi li ġabu bidla pożittiva fil-Faċilità korrettiva ta’ Kordin. Fost l-oħrajn l-Awditur Ġenerali osserva sens ta’ ordni, organizzazzjoni u ndafa. Fl-istess waqt irrikonoxxa wkoll li riċentament sar titjib notevoli fuq l-infrastruttura tal-ħabs. 

Il-Ministu qal li l-Awditur Ġenerali ma jieqafx hemm fejn fir-rapport tiegħu kkonferma li hemm ordni kkumparat ma’ ftit ta’ snin ilu. Il-Ministru qal li jaqbel ma’ punt importanti fejn jgħid li rijabilitazzjoni tista’ taħdem għaliha biss fuq ordni.

Qal li meta nitkelmu fuq il-ħabs, wieħed irid jifhem minn fejn telqu, fejn qed illum u importanti fejn se jimxu fil-futur. F’dan ir-rigward il-Ministru rrefera għal sentenza tal-qorti li ngħatat għaxar snin ilu dik tar-Repubblika ta’ Malta vs Josette Bickle fejn dik is-sentenza tat ħarsa tas-sistema ta’ għaxar snin ilu. Il-Ministru qal li dak li ħareġ minn din is-sentenza kien inkwetanti ħafna u riflessjoni ta’ sistema li kienet falliet.

“Meta nifhmu minn fejn tlaqna, żgur li m’għandux kredibiltà min ippermetta li din is-sistema tkun hemmhekk. M’għandux kredibiltà min ħalla għal dak li l-Qorti rreferiet bħala kollużjoni mal-awtoritajiet,” qal il-Ministru Camilleri.

Ir-rapport tal-bord tal-inkjesta jista’ jiġi aċċessat minn hawnhekk:

Sport