Monday, May 13, 2024

Imħallef jagħti ċanfira lil Alfred Degiorgio… jgħid li qed jipprova jtawwal il-proċess ġudizzjarju

Aqra wkoll

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) preseduta mill-Imħallef Francesco Depasquale kkundannat lil Alfred Degiorgio, wieħed mit-tliet irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, talli qed jipprova jtawwal il-proċeduri kriminali fil-konfront tiegħu. 

Alfred Degiorgio, magħruf bħala “l-Fulu”, fetaħ kawża kontra l-Avukat Ġenerali fejn talab lill-Qorti tiddikjara li l-ħatra ta’ Dr Martin Bajada bħala espert tekniku fl-inkjesta maġisterjali kienet tikser id-dritt tiegħu għal smiegħ xieraq u talab ukoll li l-ordni tal-ħatra tiegħu tiġi revokata. 

Mill-provi mressqa, jirriżulta li Dr Bajada kien tqabbad fl-inkjesta biex jiġbor “data rigwardanti t-telefonati u s-CCTV li kienu ta’ interess għall-investigazzjoni” kif stqarr l-Ispettur Keith Arnaud u ġie wkoll ikkonfermat mix-xhieda tal-FBI li ngħatat f’proċeduri kostituzzjonali oħra li għamel l-istess Alfred Degiorgio. 

ll-Qorti qalet li jirriżulta għalhekk li l-operat ta’ Dr Bajada kien jikkonsisti biss “f’kostatazzjoni ta’ fatti li joħorġu minn stħarriġ tiegħu u ma esprima qatt ebda opinjoni” u li ma kien hemm ebda raġuni għaliex in-nomina ta’ Dr Bajada tista’ titqies bħala waħda li tista’ tqajjem dubju fl-integrità tiegħu.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti osservat b’ċertu tħassib kif ir-rikorrent (Alfred Degiorgio) għalkemm kien konxju tad-deċiżjonijiet li ngħataw fil-kamp penali u li kellhom, bħala fattispeċje, fatti u oġġezzjonijiet identiċi għal dawk imqajma minnu, xorta għażel li jniedi dawn il-proċeduri ta’ natura kostituzzjonali.

Il-Qorti osservat li sfortunatament jidher li saret il-prassi riċenti adoperata minn uħud, li persuni akkużati b’reati kriminali jagħmlu minn kollox biex jistultifikaw u jwaqqfu l-proċess ġudizzjarju kriminali kontra tagħhom billi jiskoġitaw u jivvintaw azzjonijiet ta’ natura Kostituzzjonali bit-tama li jtawlu kemm jistgħu l-proċeduri kriminali fejn qed jinġabru l-provi kontrihom.

“Jidher ċar li f’dawn il-proċeduri, il-ħsieb ta’ Alfred Degiorgio ma kinitx li jipprotesta u jipproteġi xi dritt li jippretendi li għandu, iżda l-intenzjoni kienet illi, filwaqt li jtawwal il-proċeduri kriminali, jipprova jikseb dettalji dwar il-provi miġjuba kontrih fl-inkjesta u l-kumpilazzjoni qabel ma dawn jitressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati kompetenti,” qalet il-Qorti.

Finalment, il-Qorti osservat ukoll li filwaqt li kulħadd għandu dritt li jitħarsulu d-drittijiet fundamentali tiegħu, dan ma jfissirx li tali jedd għandu jiġi abbużat b’mod lampanti biex jiġu vjolati drittijiet ta’ persuni oħra, bħalma huma l-familja Caruana Galizia, li huma l-vittmi fil-proċess kollu u li qed jistennew l-eżitu tal-proċeduri kriminali kontra r-rikorrent, fost persuna oħra, fejn huwa akkużat bil-qtil ta’ ommhom. 

Tenniet li f’dan l-każ huwa ċar li l-proċeduri straordinarji marbuta mal-ħarsien tad-drittjiet fundamentali qed jiġu abbużati u utilizzati biex jittawlu inutilment proċeduri oħra, liema proċeduri qed isiru abbażi ta’ talbiet li huma ċarament frivoli u vessatorji u intiżi unikament biex itawlu proċess ġudizzjarju. 

Kien għalhekk li l-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Alfred Degiorgio, u ordnatlu jħallas l-ispejjeż kollha tal-kawża.

Sport