Wednesday, April 24, 2024

Imħallef tiċħad it-talba ta’ Yorgen Fenech biex tastjeni mill-ġuri tiegħu

Aqra wkoll

L-Imħallef Edwina Grima ċaħdet it-talba ta’ Yorgen Fenech biex tastjeni milli tippresjedi l-ġuri tiegħu. 

Fenech mistenni jgħaddi ġuri akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caurana Galizia f’Ottubru tal-2017. Huwa qed jiffaċċja piena ta’ għomor il-ħabs. 

Wara l-astensjoni tal-Imħallef Aaron Bugeja, il-President tar-Repubblika, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Imħallef, kien innomina lill-Imħallef Edwina Grima biex tippresjedi l-ġuri ta’ Fenech.

F’rikors li sar il-ġimgħa li għaddiet, l-avukati ta’ Fenech kienu talbu biex l-Imħallef tastjeni milli tippresjedi l-ġuri fid-dawl tal-fatt li jista’ jkollha tippresjedi l-appell eventwali. 

Fit-tweġiba tiegħu, id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia ddeskriva t-talba bħala “manifestament frivola” u attentat ċar ta’ dak li huwa sejjaħ “forum shopping”.

Huwa ċaħad ukoll bil-qawwa l-allegazzjoni magħmula mit-tim legali ta’ Fenech li l-Avukat Ġenerali pparteċipa fl-għażla tal-Imħallef u qal li din kienet “kompletament qarrieqa”. 

Dr Galea Farrugia rrimarka li l-avukati ta’ Fenech kienu talbu l-astensjoni u mhux ir-rikuża tal-Imħallef, li kienet legalment skorretta, billi l-Imħallef biss jista’ jagħżel li jastjeni. 

Dan l-argument ġie milqugħ f’digriet mogħti llum mill-Imħallef li qalet li d-difiża kienet legalment żbaljata meta talbet l-astensjoni tal-Imħallef, u saħqet li “hija wkoll prerogattiva tal-Imħallef u mhux tal-partijiet.”

Kien għalhekk li ma rat l-ebda ostaklu biex tippresjedi l-ġuri u ċaħdet it-talba tal-avukati difensuri.

Sport