Saturday, May 4, 2024

Ħaddiema Franċiżi li jħabbtu wiċċhom man-nies iridu juru ċertifikat ta’ tilqim jew test negattiv tal-Covid-19 kull 72 siegħa

Aqra wkoll

Franza estendiet il-mandat li jitlob li ċertu kategoriji ta’ ħaddiema jrid ikollhom fil-pussess tagħhom ċertifikat tal-Covid-19, u dan bħala parti mill-istrateġija tal-gvern biex jipperswadi lil iktar membri ta’ pubbliku biex jitlaqqmu kontra l-Covid-19.

B’hekk issa ħaddiema li jaħdmu wiċċ imb wiċċ mal-pubbliku – bħal ngħidu aħna f’kafetteriji, ċinema jew fit-trasport pubbliku – ukoll iridu juru prova li huma jew tlaqqmu jew inkella ttestjaw negattiv għall-virus fl-aħħar 72 siegħa. 

Din il-miżura se tkun qiegħda tolqot madwar 1.8 miljun persuna madwar il-pajjiż. Fil-preżent ġewwa Franza l-pubbliku diġà huwa mitlub li jkollu ċertifikat tal-Covid-19 biex ikun jista’ jidħol f’restoranti, ċentri kulturali jew postijiet ta’ divertiment. 

Filwaqt li l-maġġoranza tal-pubbliku jidher li jaqbel mal-użu taċ-ċertifikati tal-Covid-19, l-introduzzjoni tagħhom wasslet għal għadd ta’ protesti matul dan is-sajf b’għexieren ta’ eluf ta’ persuni jipprotestaw għal ġimgħat sħaħ. Il-gvern qiegħed jinsisti li dan huwa neċessarju biex il-pajjiż jevita li jkollu jidħol fir-raba’ lockdown tiegħu. L-istatistika fi Franza qiegħda turi li l-maġġoranza assoluta tal-persuni li jinsabu l-istpar minħabba l-Covid-19 mhumiex imlaqqma. 

Sport